STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Imnedija skema li tiffaċilita d-devoluzzjoni tal-art lill-Kunsilli Lokali
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nedew skema ġdida mill-Awtorità tal-Artijiet li permezz tagħha l-Kunsilli Lokali kollha f'Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn rati baxxi ta' kirjiet ta' art jew propjetà pubblika. Fil-fatt, tkun xi tkun l-art jew propjetà mikrija mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, il-massimu tal-kera li tista' titħallas ikun biss ta' €500.
L-iskema ġiet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq, li huwa wieħed mis-siti li se jibbenefika minn din l-iskema.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rrikonoxxa li l-operat tal-Kunsilli Lokali jġib miegħu sfidi differenti skont id-daqs u n-natura tal-lokalità. “L-iskema li qed inniedu llum, filwaqt li se toffri serħan il-moħħ lill-Kunsilli Lokali hija turija ċara tal-impenn tal-Gvern li jkun ta' spalla għall-Kunsilli Lokali fit-twettieq tal-ħidma tagħhom fil-komunitajiet tagħna", tenna jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru temm jgħid li permezz ta' din l-iskema, il-Gvern qed jinvesti direttament fin-nies għaliex il-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu joffru aktar servizzi lill-komunitajiet tagħhom billi ser jonfqu inqas f'kirjiet. Fil-fatt, numru ta' Kunsilli lokali se jiffrankaw eluf ta' ewro b'din l-iskema.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-kunsilli lokali għandhom diversi funzjonijiet fir-responsabbiltà tagħhom li jirrikjedu riżorsi varji sabiex jitwettqu. Hija spjegat kif permezz ta' din l-iskema l-kunsilli lokali ser jibqgħalhom aktar fondi li jistgħu jutilizzawhom għall-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti tagħhom, b'mod aħjar u aktar effikaċi. “Aktar fondi f'idejn il-kunsilli lokali jfisser aktar investiment favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti" temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Preżenti għat-tnedija ta' din l-iskema kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Carlos Tabone, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934