STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ ikel u ta’ xorb fil-Malta Life Sciences Park
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qies it-talba għal offerti (RfP) maħruġa mill-Malta Life Sciences Park għall-provvista ta' servizzi ta' ikel u xorb (F&B) fil-Malta Life Sciences Centre u l-Malta Digital Hub Ltd (MDH) f'Novembru 2015. Sussegwentement, sar ftehim ta' kiri bejn l-MDH u Cook & Co Ltd f'Mejju 2016. Wara diversi snin ta' operat, Cook & Co Ltd sostniet li l-RfP kienet frawdolenti, fis-sens li l-fond mikri ma kienx kif deskritt, li allura ta lok għal diffikultajiet operazzjonali.
L-NAO nnota li l-RfP ipprovda għarfien dwar l-għanijiet ġenerali tas-sejħa; madankollu, ġew innutati xi nuqqasijiet. It-titlu tat-talba kien ambigwu peress li, aktar milli akkwist ta' servizz ta' F&B, il-Malta Enterprise kienet qed tikri sit li minnu kellu jingħata dan is-servizz. Fl-RfP ma ġewx inklużi pjanijiet dettaljati tas-sit, meqjusa meħtieġa minħabba li l-użu tas-sit inbidel minn ċentru għall-kura tat-tfal għal stabbiliment tal-ikel, li allura kien jeħtieġ xogħlijiet ta' adattament. L-NAO nnota inkonsistenzi bejn il-bini attwali, il-pjanti annessi mal-RfP u dawk sottomessi mill-Malta Enterprise fl-applikazzjoni tal-ippjanar li saret għall-bidla fl-użu tas-sit. Il-viżibilità tal-offerenti tnaqqse Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika t peress li ma saret ebda żjara fuq il-post waqt il-perjodu għall-offerti.
Il-proċess ta' evalwazzjoni li sar mill-Malta Enterprise mexa mal-kundizzjonijiet tal-RfP u l-kriterji stabbiliti li effettivament wasslu għall-għażla tal-offerta li kienet l-aktar ekonomikament vantaġġuża. Minkejja dan, l-Uffiċċju nnota nuqqasijiet fil-proċess ta' evalwazzjoni. Dawn kienu jinkludu nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni, laqgħa waqt l-evalwazzjoni li saret biss ma' Cook & Co Ltd, u n-notifika lill-offerent magħżul qabel ir-rapport ta' evalwazzjoni għadda għand il-Bord tad-Diretturi tal-Malta Enterprise.
Il-kuntratt ta' kiri elenka d-drittijiet u l-obbligi tal-MDH bħala sid u ta' Cook & Co Ltd bħala kerrej. It-tħassib ewlieni tal-NAO kien l-istat tas-sit mikri u x-xogħlijiet meħtieġa biex jagħmluh adattat għall-użu maħsub. Filwaqt li l-kuntratt speċifika li l-proprjetà kienet qed tiġi trasferita tale quale, l-RfP ipprovda biss għarfien limitat tal-kundizzjoni tas-sit, ma speċifikax li kien qed jiġi trasferit 'kif inhu' u ma pprovdiex garanzija li seta' jintuża għall-iskop previst.
Cook & Co Ltd bdiet topera r-ristorant Zenzero f'Jannar tal-2017, diversi xhur wara d-data stipulata fil-kuntratt. Id-dewmien ma setax jiġi attribwit biss lil Cook & Co Ltd minħabba li xi difetti ġew innutati mal-akkwist tas-sit, li kienu jeħtieġu tiswijiet. Ir-responsabbiltà għax-xogħlijiet baqgħet kontenzjuża bejn il-partijiet, b'nuqqasijiet mhux immedjatament evidenti kumplikazzjoni oħra. Filwaqt li l-approvazzjoni tal-MDH għal xogħlijiet li saru ġiet imfittxija u pprovduta, il-proċedura speċifikata fil-kuntratt ma kinitx segwita.
Il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bidla fl-użu tas-sit inħareġ fl-24 ta' Awwissu 2016, ġimgħa qabel id-data tal-bidu tal-operat stipulata fil-kuntratt. Il-permess kien jesiġi li jsiru xogħlijiet għall-adattament tal-post. Applikazzjoni minn Cook & Co Ltd biex tissanzjona x-xogħlijiet li saru żvelat diskrepanza fil-qies tas-sit, li ma kienx konformi mal-permess. L-NAO stabbilixxa li din l-inkongruwenza ma kinitx tort ta' ebda parti iżda saret waqt il-proċess ta' screening tal-ippjanar. Ta' tħassib kien li Cook & Co Ltd wettqet ix-xogħlijiet mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Awtorità. Madankollu, l-MDH kellha viżibilità fuq ix-xogħlijiet u kellha taċċerta li dawn kienu koperti b'permess. Dewmien fil-ħruġ tal-permess tawwal il-proċess biex tinkiseb liċenzja tal-operat, b'liċenzja temporanja maħruġa fit-12 ta' Diċembru 2016. Meta din skadiet f'Marzu 2017, Cook & Co Ltd baqgħet topera r-ristorant għal diversi snin minkejja li ma kellhiex liċenzja.
L-NAO jsostni li n-nuqqas ta' Cook & Co Ltd li tħallas il-kera u ħlasijiet oħra kien jikkostitwixxi ksur tal-kuntratt ta' kiri. Filwaqt li l-NAO jqis li kien hemm diversi raġunijiet għar-revoka tal-kirja, huwa pertinenti li wieħed jinnota li azzjoni ġudizzjarja mibdija mill-partijiet kienet għaddejja fiż-żmien tar-rappurtaġġ.
Ir-rapport jista' jiġi aċċessat billi wieħed iżur il-website tal-NAO www.nao.gov.mt jew permezz tal-midja soċjali tal-Uffiċċju: www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934