STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Kollaborazzjoni bejn Malta u l-UAE permezz tal-Executive Leadership Programme
20 uffiċjal għoli li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta qed jipparteċipaw fl-Executive Leadership Programme, programm ta’ taħriġ internazzjonali mmexxi minn professjonisti mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE). Dan il-programm huwa parti minn ftehim li ġie ffirmat is-sena li għaddiet f’Dubai, bejn Malta u l-UAE.
Dan tħabbar f’konferenza li għaliha kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti kif ukoll il-Viċi Ministru tal-Affarijiet tal-Kabinett għall-Kompetittività u l-Bdil tal-Esperjenza tal-UAE, Abdulla Nasser Lootah.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni mal-Emirati Għarab Magħquda, ħaddiema fis-servizz pubbliku qed jingħataw taħriġ li jsaħħaħ ukoll is-servizz li jagħtu liċ-ċittadini.
“Dan il-programm ta’ eċċellenza jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali. Għaldaqstant qed nagħtu opportunità lill-ħaddiema fis-servizz pubbliku sabiex ikomplu jikbru professjonalment u jkomplu jipprovdu servizz eċċellenti lill-pubbliku,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi Ministru Abdulla Nasser Lootah semma li din is-sħubija strateġika ma’ Malta toħroġ mill-ftehim li ġie ffirmat bejn l-UAE u Malta. Huwa saħaq li t-tnedija tal-Executive Leadership Programme f’Malta hija xhieda tal-kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ gvernijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Silvio Scerri, irringrazzja lill-kontropartijiet tal-UAE għas-sapport li rċevew mingħandhom. Huwa tenna l-impenn li jkomplu b’din il-kollaborazzjoni bil-għan li jkomplu jinħolqu aktar opportunitajiet ġodda.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934