STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jilqa’ lill-Ambaxxaturi u Kapijiet tal-Missjonijiet għall-Awguri tal-Ewwel tas-Sena
Fl-okkażjoni tal-bdil tal-Awguri tal-Ewwel tas-Sena, waqt ikla għall-Ambaxxaturi u Kapijiet ta' Missjonijiet akkreditati għal Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg esprima l-gratitudni tiegħu u tal-Gvern Malti għall-impenn kontinwu tagħhom ma' Malta u spjega l-prijoritajiet diplomatiċi ewlenin ta' pajjiżna għal din is-sena.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg enfasizza l-impenn ta' Malta għal multilateraliżmu effettiv, u semma l-irwol importanti li għandna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda anke permezz tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2712 ftit tal-ġimgħat ilu, favur il-paċi fil-Lvant Nofsani. Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-impenn ta' Malta sabiex ikun indirizzat il-kunflitt fl-Ukrajna. Indirizza wkoll sfidi bħal ma huma l-klima, id-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi tal-migrazzjoni.
Hekk kif Malta tfakkar l-20 anniversarju tagħha mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru Borg saħaq fuq l-importanza li ssir riflessjoni fuq il-valuri Ewropej. “Ix-xhur li ġejjin huma kruċjali għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Malta tibqa' impenjata lejn pjan ibbażat fuq it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u t-trawwim tal-impenn politiku mal-imsieħba l-oħra," sostna l-Ministru Borg.
Filwaqt li ddiskuta l-impenji bilaterali, il-Ministru Borg enfasizza s-sinifikat tal-iskambji mal-kontropartijiet madwar id-dinja, u saħaq dwar l-enfasi ta' Malta fuq il-kooperazzjoni reġjonali fl-affarijiet tal-Mediterran. Il-Ministru esprima appoġġ għall-poplu Libjan, tisħiħ fir-rabtiet diplomatiċi mal-Istati tal-Golf, l-Afrika, l-Asja, u msieħba transatlantiċi filwaqt li wera l-impenn ta' Malta għall-kollaborazzjoni ekonomika u l-istabbiltà reġjonali.
Ġiet enfasizzata wkoll il-ħidma tal-Ministeru għad-diplomazija kummerċjali u kulturali, b'inizjattivi bħall-programm Consul-on-the-Move u Ċerimonji tal-Premjazzjoni taċ-Ċertifikat taċ-Ċittadinanza, li enfasizzaw konnessjonijiet aħjar mad-dijaspora Maltija.
Meta indirizza l-isfidi tal-2023, il-Ministru Borg afferma l-impenn ta' Malta għall-paċi permezz tad-diplomazija. “Hekk kif Malta tassumi l-Presidenza tal-OSCE u diversi pożizzjonijiet ewlenin, in-nazzjon iwiegħed li jkompli jinvolvi ruħu fi djalogu għall-benefiċċju reċiproku," qal il-Ministru Ian Borg.
Il-Ministru temm billi awgura s-saħħa lill-mistednin distinti u l-familji tagħhom.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934