STQARRIJA MINN FESTIVALS MALTA Jum ir-Repubblika - L-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru 2023
Jum ir-Repubblika jfakkar il-ġurnata fejn Malta rrevediet il-kostituzzjoni tagħha u effettivament saret Repubblika. B’hekk Malta ma baqgħetx b’kap ta’ stat barrani u mill-monarkija tar-Renju Unit, u minflok inħatar l-ewwel President ta’ Malta Repubblika, Sir Anthony Mamo. Fl-okkażjoni tad-49 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Uffiċċju tal-President, qed jorganizzaw attivitajiet kommemorattivi sabiex jitfakkar dan il-jum.
L-Erbgħa 13 ta’ Diċembru 2023, Jum ir-Repubblika, fl-10:00 ta’ filgħodu, ser tkun qed tiġi organizzata l-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta. Għall-okkażjoni jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Dr George Vella, il-Prim Ministru ta’ Malta Dr Robert Abela, flimkien ma’ mistednin distinti oħra. Festivals Malta jappella lill-pubbliku biex jattendi għal din iċ-ċerimonja fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Fil-11:00 ta’ filgħodu ssir ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Dawn l-avvenimenti kollha ser ikunu mxandra b’mod dirett fuq TVM News+.
Fis-1:15 ta’ waranofsinhar, il-President ta’ Malta jqiegħed kuruna tal-fjuri fuq il-monument ta’ Malta Repubblika fil-Marsa.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en