STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA L-istrateġija kontra l-vjolenza domestika trid tilħaq lill-komunitajiet kollha
L-istrateġija l-ġdida li ġiet imnedija l-ġimgħa li għaddiet kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għall-ewwel darba taħseb għal miżuri immirati biex jilħqu komunitajiet differenti f'Malta u li jkunu qed jesperjenzaw vjolenza domestika. Il-miżuri tal-istrateġija ġew imfissra lill-Ambaxxaturi u Diplomatiċi f'Malta f'konferenza organizzata mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Samantha Pace Gasan fissret il-miżuri u l-proposti tal-istrateġija biex ikunu jistgħu jingħataw is-servizzi lil persuni barranin li jkunu għaddejjin minn episodji ta' vjolenza domestika.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħeġġet lill-Ambaxxaturi u lir-rappreżentanti tal-komunitajiet barranin biex jissoktaw b'dan id-djalogu mal-awtoritajiet Maltin. Is-Segretarju Parlamentari spjegat li l-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika hija fenomenu li jaffettwa kull soċjetà. Żiedet tgħid li huwa importanti li s-servizzi jkunu jistgħu jintlaħqu mill-komunitajiet kollha.
Hija saħqet dwar il-bżonn li jikber l-għarfien anke fost iċ-ċittadini barranin dwar is-servizzi varji ta' għajnuna għal vittmi tal-vjolenza domestika li hawn f'Malta. Rebecca Buttigieg qalet li dan jinkwadra fil-messaġġ 'Beat the Silence', tal-kampanja ta' 16-il jum ta' attiviżmu li qed issir bħalissa kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Dr Lydia Abela sostniet fuq l-importanza tal-edukazzjoni u kampanji ta' għarfien bħas-16-il jum ta' attiviżmu biex tkompli tqum kuxjenza dwar il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru. “Huwa kruċjali li l-komunitajiet tagħna jkunu konxji u responsabbli ta' nies bħalhom fis-soċjetà biex meta hemm bżonn l-għajnuna, din tingħata fil-ħin," irrimarkat mart il-Prim Ministru hi u tindirizza lill-Ambaxxaturi u l-Konsli.
Dr Abela nnutat l-passi fid-direzzjoni t-tajba li Malta qed tagħmel biex tkun pajjiż mudell li japplika l-Konvenzjoni ta' Istanbul u qalet li l-pajjiżi differenti jista' jkollhom skambju ta' informazzjoni biex nibqgħu nilqgħu għall-vjolenza domestika, realtà kerha madwar id-dinja kollha. Sostniet li bix-xogħol li sar u issa l-implimentazzjoni tat-tielet strateġija nazzjonali għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, pajjiżna jrid ikompli jwassal messaġġ li fis-soċjetà ma hemmx post għall-mibegħda u l-vjolenza iżda fiha għandhom jirrenjaw biss l-imħabba u r-rispett.
Intant, preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli fejn saħqet dwar l-impenn b'saħħtu anki fuq livell Ewropew sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. “Il-ħidma tagħna, mit-tnedija ta' network tal-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni sat-tisħiħ tal-protezzjonijiet legali u l-finanzjament ta' proġetti essenzjali, huma passi konkreti lejn soċjetà aktar sigura u ugwali", qalet il-Kummissarju Dalli. Żiedet tgħid, “Aħna mhux biss inwieġbu għall-vjolenza, imma wkoll qed nattakkaw l-għeruq tagħha, nisfidaw l-isterjotipi tal-ġeneri u speċjalment fost iż-żgħażagħ. F'Malta u fil-bqija tal-Ewropa, l-isforzi kollettivi tagħna huma kruċjali sabiex niżguraw li kull mara, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli bħal nisa migranti jew nisa b'diżabilità, jkun protetta u mogħtija s-setgħa li jitkellmu".
Fil-konferenza ħadu sehem ukoll rappreżentanti ta' diversi entitajiet u aġenziji li b'mod jew b'ieħor jagħtu servizzi lil vittmi f'dan il-qasam.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en