Left arrow Go Back

STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA​ Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika

pr231876
Date Icon 29/11/2023

Tnediet it-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika bi pjan ta’ ħames snin li jinkludi sensiela ta’ azzjoni u miżuri li ser ikunu qegħdin jitwettqu minn diversi entitajiet pubbliċi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. 

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika permezz tal-Kummissarju Samantha Pace Gasan spjegat li din l-istrateġija tfasslet b’konsultazzjoni mal-istakeholders u hija imsejsa fuq il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u tkompli tibni fuq iż-żewġ strateġiji li saru qabel.

Uħud mill-miżuri bdew jitwettqu bħala parti mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia waqt li l-istrateġija tipprovdi pjan ta’ azzjoni biex sal-2028 jitwettqu sensiela ta’ inizjattivi oħra li jsaħħu l-protezzjoni tal-vittmi kemm mill-aspett soċjali kif ukoll mill-aspett ġudizzjarju.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-vjolenza domestika hija pjaga soċjali li jeħtieġ nibqgħu niġġilduha b’kull mod. Hu spjega li fl-aħħar xhur u snin sar progress, iżda fid-dawl li din hi realtà dejjiema, l-impenn hu wieħed kontinwu. Irrefera għal diversi entitajiet fis-setturi tal-ugwaljanza u s-sigurtà biex ikun implimentat minnhom ir-rapport Valenzia fl-intier tiegħu. Il-Ministru Camilleri informa li fi żmien qasir ser jibda jopera l-ewwel hub li jilqa’ vittmi ta’ vjolenza domestika f’Santa Luċija, hekk kif ix-xogħlijiet waslu fl-aħħar tagħhom. Dan iċ-ċentru ser ikun immirat li jassisti vittmi kemm mill-uffiċjali tal-GBDVU, kif ukoll diversi professjonisti oħra, fejn l-allegat aggressur jibqa’ jkun interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana. Ukoll, matul is-sena 2024 ser ikunu introdotti s-servizzi ta’ monitoraġġ elettroniku u panic alarms. 

“Għalhekk naraw li nimpenjaw u ninvolvu lid-diversi komunitajiet f’din il-kampanja billi naħdmu id f’id ma’ kull minn jista’ jinfluwenza u jbiddel in-normi soċjali li writna tul is-snin. L-esperjenza turina li nagħmlu kemm nagħmlu, qatt mhu ser ikun biżżejjed. U għandu jibqa’ jkun hemm din ir-rieda, minn kulħadd, sabiex nagħmlu aktar u nħarxu l-ġlieda tagħna kontra din il-pjaga tas-soċjetà tagħna,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-prijorità ewlenija ta’ din l-istrateġija hija t-tisħiħ tas-servizzi varji li joffru għajnuna professjonali lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Hija qalet li ser jiġu aġġornati l-liġijiet f’dan il-qasam waqt li hemm impenn qawwi biex ikun hemm ir-riżorsi umani f’dan is-settur ħalli dawn il-każijiet jiġu trattati bl-akbar spedetezza flimkien mal-għodda teknoloġiċi għas-sigurtà u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-viżjoni ta’ din l-istrateġija toħroġ mill-fatt li qiegħda taħseb biex issaħħaħ l-edukazzjoni għall-istudenti u għal programmi ta’ taħriġ għall-ġudikatura u għall-uffiċjali pubbliċi li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, li hi parti mis-16-il jum ta’ attiviżmu dwar il-kuxjenza fuq il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru, ukoll indirizzat it-tnedija tal-istrateġija. Għarfet kif l-istrateġija nazzjonali trid tagħmel lil Malta mudell li japplika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Dr Abela sostniet li l-attitudni tagħna lkoll trid tkun li mmiddu għonqna għal iżjed xogħol u għarfet l-impenn u r-rieda qawwija biex jiġu indirizzati r-realtajiet marbuta mal-vjolenza domestika. Irrimarkat li fl-aħħar xhur kompliet ħidma qawwija b’riformi li jindirizzaw pjaga soċjali.

Lydia Abela nnutat li l-istrateġija fiha enfasi fuq it-taħriġ tal-professjonisti li huma l-katalisti tal-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali mnedija. “Il-bidliet ma għandhomx ibeżżgħuna biex inkunu passivi”, saħqet Dr Abela hi wkoll tagħmel kuraġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika biex flimkien mal-għeżież tagħhom u l-professjonisti, jibdew kapitlu ġdid u jegħlbu s-silenzju.

Link għad-dokument: https://www.stopviolence.gov.mt/publications/ 

STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA​ Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika
STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA​ Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika
STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA​ Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika
STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA​ Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow