Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Jibda x-xogħol fuq ġnien ġdid għall-pazjenti ta’ Hospice Malta

pr231874
Date Icon 29/11/2023

Għaddejjin ix-xogħlijiet fuq ġnien ġdid li se jipprovdi spazju aħdar sigur u terapewtiku għall-pazjenti ta' Hospice Malta u l-familji tagħhom.

Dan il-ġnien, ħdejn iċ-ċentru l-ġdid tal-kura paljattiva ta' Hospice Malta f'Santa Venera, huwa wieħed mis-16-il spazju miftuħ fil-komunità madwar Malta u Għawdex li Project Green qed tiffinanzja permezz tal-iskema Community Greening Grant ta' €10 miljun.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien ma' Project Green u Hospice Malta żaru l-ewwel xogħlijiet li qed isiru f'dan il-ġnien ta' madwar 2,700 metru kwadru li jinsab fost l-aktar żoni urbani f'Malta.

Dan il-ġnien jiġbor il-viżjoni tal-Community Greening Grant, peress li jgħaqqad il-ħtiġijiet tal-komunità u dawk ambjentali sabiex ikun hemm żona ħadra innovattiva u sostenibbli. Iddisinjat b'attenzjoni għall-inklussività, il-ġnien se jkun spazju trankwill għall-pazjenti vulnerabbli li ma jistgħux iżuru postijiet pubbliċi minħabba riskji għal saħħithom. Dan il-proġett se jinkludi wkoll  żoni ta' veġetazzjoni, żoni ddedikati għat-tfal, kif ukoll spazju fejn il-familji tal-pazjenti jistgħu jirrilassaw. 

Il-proġett jinkludi wkoll ġibjun ġdid biex jinġabar l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-ġnien.

Il-Ministru Dalli faħħret lil Hospice Malta u Project Green talli qed jittrasformaw art oriġinarjament maħsuba għall-iżvilupp fi ġnien ġdid. “Dan l-ispazju aħdar se joffri ambjent seren għall-pazjenti u l-familji tagħhom, filwaqt li tgħin lil Hospice Malta fil-missjoni tagħha li tappoġġa l-bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali u spiritwali tal-pazjenti tagħha," qalet Miriam Dalli.

Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta' Hospice Malta, qalet li dan il-ġnien joffri serenità u trankwilità, kif ukoll ambjent terapewtiku li jkollhom bżonn il-pazjenti tal-Hospice. Hija spjegat kif permezz ta' dan il-ġnien, pazjenti ta' St Michael Hospice se jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta' kwalità mal-familjari tagħhom li huwa tant bżonnjuż f'dawn iż-żminijiet daqshekk diffiċli għalihom.

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif ftit xhur ilu, Project Green stieden lill-kunsilli lokali, NGOs u għaqdiet oħra biex jipproponu proġetti ħodor fil-komunità tagħhom. “F'inqas minn sena ġew identifikati l-aktar proposti sostenibbli u llum qegħdin hawn biex insegwu l-ewwel xogħlijiet ta' dawn l-inizjattivi mmexxija mill-komunità. Għaddej ix-xogħol ukoll fil-15-il proġett l-oħra kif ħabbarna fil-Budget 2024. Il-viżjoni tagħna hija li nkomplu nagħtu s-setgħa lill-komunitajiet tagħna biex joħolqu ambjent aħjar fil-lokalitajiet tagħhom."

Il-Kap Eżekuttiv ta' Project Green Steve Ellul, spjega kif l-iskema Community Greening Grant qed tagħti għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet bħal Hospice Malta, biex jinvestu fis-sostenibbiltà. Din l-iskema qed tiffinanzja mal-80,000 metru kwadru ta' spazju miftuħ f'16-il lokalità differenti. “Hekk kif Project Green daqt se tkun qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju mit-twaqqif tagħha, ħa tkun investiet f'40,000 metru kwadru ta' spazji ġodda u rriġenerati. Dan huwa l-bidu tal-impenn tagħna li nkomplu ninvestu f'parks u ġonna ġodda u eżistenti f'Malta u Għawdex," ikkonkluda Ellul.

Għal aktar informazzjoni fuq Project Green u l-iskema Community Greening Grant, żur project.green jew segwi l-midja soċjali ta' Project Green u Sostenibbiltà.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Jibda x-xogħol fuq ġnien ġdid għall-pazjenti ta’ Hospice Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Jibda x-xogħol fuq ġnien ġdid għall-pazjenti ta’ Hospice Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow