Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Regoli ġodda għall-Aġenziji tax-Xogħol (Temping Agencies)

pr231827
Date Icon 22/11/2023

Regoli ġodda għall-Aġenziji tax-Xogħol (Temping Agencies) se jassiguraw li dawn l-aġenziji, li jimpjegaw ħaddiema Maltin u barranin, ikunu regolati b'reġim legali robust li jagħmel mandatorja liċenzja sabiex ikunu jistgħu jġibu ħaddiema barranin biex jaħdmu f'pajjiżna.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li stqarr li permezz ta' din il-liġi qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra, dik li ħadd ma jkun jista' jħaddem nies miegħu mingħajr ma jikseb liċenzja qabel, fost oħrajn, bil-għan li jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi għall-impjegati tagħhom. Il-kumpaniji li ma jkollhomx jew jitilfu din il-liċenzja jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux awtorizzati jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Aġenziji li jinqabdu jiksru l-liġijiet tal-immigrazzjoni jew tax-xogħol u ma jirrimedjawx jitilfu l-liċenzja biex joperaw.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna li din hija waħda mill-akbar liġijiet li ġew introdotti f'pajjiżna fil-qasam tal-liġi industrijali, li ser tkun qed toħloq qafas regolatorju serju u professjonali fejn jidħlu Aġenziji tax-Xogħol li jħaddmu magħhom mhux biss ħaddiema barranin imma anke Maltin. Spjega li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) ser jibda jilqa' l-applikazzjonijiet mill-1 ta' Jannar tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-liġi ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta' April tal-istess sena. L-operaturi imbagħad ser jingħataw ċans sal-1 ta' Ġunju 2024 sabiex jaġġustaw l-operat tagħhom.

L-għan tal-Gvern huwa li filwaqt li jibqa' jkun ta' sapport għall-operaturi, naraw li kulħadd f'pajjiżna jaħdem f'qafas legali serju, b'kundizzjonijiet diċenti għall-ħaddiema.   

Huwa rrefera għall-Working Committee li se jkun qed jeżamina l-informazzjoni provduta fil-proċess tal-applikazzjoni ta' due dilligence, li wieħed irid jissodisfa biex jopera fis-settur. Din il-liġi se tkun qed toħloq sistema ta' struttura u superviżjoni biex jiġu eliminati l-abbużi f'dan is-settur, hekk kif se tiġi introdotta wkoll sistema ta' Black Listing. Se jkun hemm ukoll pieni ħorox, rivokazzjoni tal-liċenzja għal min jinqabad jagħti servizz mingħajr il-liċenzja meħtieġa jew jikser il-kundizzjonijiet stabbiliti tal-liċenzja u multi minn €5,000 sa €30,000 għal min jinqabad jikser il-provedimenti tal-liġi.

Filwaqt li b'din il-liġi f'pajjiżna ser inkunu qed nattiraw ħaddiema ta' kwalità u f'setturi biss li hemm il-ħtieġa għalihom, Ellul sostna li l-ħaddiema ser ikunu qed jingħataw il-protezzjoni li tixirqilhom, kif ukoll tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

L-Aġenziji tax-Xogħol iridu jiddepożitaw €20,000 permezz ta' garanzija bankarja, ġo fond li ser ikun stabbilit u regolat b'din il-liġi, u għal dawk li għandhom aktar minn għoxrin impjegat iridu jiddepożitaw ukoll 2% tal-pagi annwali. Dan biex f'każ li Aġenzija titlef il-liċenzja, il-fondi jiġu mqassma lill-ħaddiema li jkunu spiċċaw bla xogħol. Apparti dan, it-tariffa tal-liċenzja hija ta' €3,000 fis-sena u €1,500 għal kull sena li l-liċenzja tiġi mġedda.

Ser jiġi mwaqqaf ukoll Bord ta' Appelli fejn wieħed ikun jista' jressaq il-każ tiegħu minn deċiżjoni tad-Direttur tad-DIER.

Huwa għamel aċċenn għall-fatt li mhux se jkun ittollerat li ħaddiema, b'mod abbużiv, ikollhom iħallsu flus biex jiġu jaħdmu f'pajjiżna jew b'xi mod jinqatgħulhom flus mill-paga, jew saħansitra jkollhom kundizzjonijiet li jpoġġuhom f'sitwazzjoni vulnerabbli. Apparti li wieħed jitlef il-liċenzja jekk ma josservax dawn ir-regolamenti, il-liġi proposta tistipula reati għal dan il-forma ta' abbuż.

“L-għan aħħari dejjem jibqa' li jkollna Malta Ġusta, waqt li nkomplu noħolqu dinja tax-xogħol iżjed moderna u reżiljenti, b'pagi ġusti u kundizzjonijiet b'saħħithom għall-ħaddiema kollha. Din il-bidla pożittiva se tkun qed toħloq qafas regolatorju serju li permezz tiegħu l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżommu kont fuq il-ħaddiema barranin li jidħlu Malta filwaqt li toffri serħan il-moħħ li dawn il-ħaddiema bl-ebda mod ma jiġu sfruttati bis-saħħa ta' settur regolat," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.

Factsheet 

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Regoli ġodda għall-Aġenziji tax-Xogħol (Temping Agencies)
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow