STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA “Report by the Auditor General on the Workings of Local Government 2022”
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq il-ħidma tal-Gvern Lokali matul is-sena 2022.
Sittin (60) Kunsill Lokali, sitt (6) Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali rnexxielhom jissottomettu l-audited financial statements lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sa nofs Ottubru 2023, minkejja li dawn kellhom jiġu sottomessi sal-aħħar ta' Ġunju 2023. Sat-tielet ġimgħa ta' Novembru, jiġifieri meta dan ir-rapport kien lest għall-pubblikazzjoni, dawk ta' tmien (8) Kunsilli Lokali, kif indikat fir-Rapport, baqgħu ma ġewx ippreżentati lil dan l-Uffiċċju. Ta' tħassib sinifikanti huwa wkoll il-fatt li erba' (4) Awtoritajiet Lokali ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-Management Letter, għalkemm din inkorporat numru ta' nuqqasijiet; sitwazzjoni meqjusa bħala totalment inaċċettabbli.
Filwaqt li l-NAO jirrikonoxxi li kien hemm progress reġistrat mis-sena ta' qabel, jemmen li għad hemm lok għal ħafna titjib, għalhekk l-Awditur Ġenerali jħeġġeġ lill-Kunsilli biex ikomplu jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Huwa importanti li s-servizzi li jagħtu l-Kunsilli lir-residenti tagħhom mhux biss jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunità lokali iżda jiġu pprovduti b'mod effettiv, effiċjenti u ekwu. F'dan ir-rigward, l-NAO jinnota b'sodisfazzjon l-isforzi min-naħa tal-Amministrazzjoni biex tassigura li l-Kunsilli Lokali kollha jingħataw, kemm jista' jkun, is-sapport neċessarju biex jilħqu l-miri tagħhom u jirreġistraw progress.
Madankollu, dan l-Uffiċċju rrimarka li mhux kull Kunsill ta l-impenn sħiħ tiegħu u kkollabora bl-aħjar mod possibbli mal-Awdituri tal-Gvern Lokali. Dan wassal f'dewmien biex jiġi ffinalizzat l-awditjar rispettiv. Barra minn hekk, spikka wkoll in-nuqqas ta' konformità mar-regolamenti tal-akkwist f'eżerċizzju mwettaq mill-NAO f'erba' (4) Kunsilli Lokali.
L-NAO jemmen ukoll li hemm lok għal titjib fil-kontrolli interni tal-Kunsilli peress li nuqqasijiet rikorrenti, bħal żbalji ta' natura ta' kontabilità u ġestjoni mhix adegwata ta' assi fissi, ġew irrappurtati sena wara sena, li jissuġġerixxu li mhix tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva suffiċjenti biex tindirizza l-kawżi ewlenin.
Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi wkoll li għad hemm lok għal titjib f'ċerti oqsma speċifiċi, minħabba l-fatt li xi nuqqasijiet ġew irrapurtati ripetutament f'dawn l-aħħar snin. Dawn jinkludu monitoraġġ tal-assi fissi mhux adegwat u kotba tal-kontabilità mhux dejjem aġġornati kif suppost.
Ġie wkoll innutat nuqqas ta' ppjanar finanzjarju effettiv li wassal għal infiq jew tfaddil eċċessiv, liema estremi jħallu impatt negattiv fuq l-operat tal-Kunsill.
Ta' tħassib huwa wkoll il-fatt li:
- l-Audit Reportsta' sitta u tletin (36) Awtoritajiet Lokali ġew kwalifikati minħabba li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti kif meħtieġa; u
- ħames (5) Kunsill Lokali kellhom Emphasis of Matter Paragraph fl-Audit Report, li jindika li tali Kunsilli jista' jkun li ma jlaħħqux mal-obbligi finanzjari tagħhom fil-futur qarib.
Ir-Rapport jagħmel analiżi b'mod dettaljat filwaqt li jipproponi rakkomandazzjonijiet bil-għan li dawn in-nuqqasijiet, li flimkien ma' oħrajn ġew identifikati mill-Awdituri privati tal-Gvern Lokali wara li dawn raw b'reqqa l-istatements finanzjarji ppreparati mill-Awtoritajiet Lokali, jiġu indirizzati.
Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika : www.nao.gov.mt kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en