STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Il-Ministru Byron Camilleri f’laqgħa bilaterali mal-Ministru Grieg għall-Immigrazzjoni u l-Ażil Dimitris Kairidis
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru Grieg għall-Immigrazzjoni u l-Ażil Dimitris Kairidis. Matul il-laqgħa, iż-żewġ ministri affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet tajbin bejn Malta u l-Greċja, ħadu rendikont tas-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni fiż-żewġ pajjiżi u enfasizzaw il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni kontinwa fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-istati membri li jinsabu fuq il-fruntiera jirċievu l-appoġġ meħtieġ. Iż-żewġ ministri qablu li jkomplu jaħdmu flimkien fuq livell bilaterali kif ukoll flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Mediterran fi ħdan il-grupp Med5.
Il-Ministru Camilleri kien wieħed mill-kelliema fl-edizzjoni tal-2023 tas-Summit ta’ Tessaloniki, fis-sessjoni ddedikata għall-isfidi tal-migrazzjoni u l-immigrazzjoni fir-reġjun, flimkien ma’ Dimitris Kairidis, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Ażil tar-Repubblika Ellenika, u Beate Gminder, Deputat Direttur Ġenerali u Kap tat-Task Force tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru enfasizza l-isfidi attwali fil-Mediterran ikkaratterizzati minn żieda qawwija fin-numru ta’ wasliet mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u żieda riċenti ta’ wasliet mir-rotot tal-Lvant u tal-Punent tal-Mediterran. Huwa nnota wkoll tħassib dwar is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari hekk kif il-kunflitt f’Gaża qed ikompli jeskala.
Il-Ministru Camilleri spjega l-progress li għamlet Malta fis-snin li għaddew, b’mod partikolari l-proċedura tal-ażil li saret aktar effiċjenti, it-tisħiħ taċ-ċentri ta’ akkoljenza, it-tnaqqis tan-numru ta’ wasliet u l-investiment qawwi fis-sistema ta’ ritorn, inkluż it-twaqqif ta’ Returns Unit fi ħdan il- Ministeru u żieda fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u tranżitu.
Il-Ministru enfasizza l-importanza li jkun hemm sistema ta’ ritorn effettiva, li ddeskriviha bħala l-pedament ta’ sistema kredibbli ta’ ażil u migrazzjoni. Il-Ministru Camilleri enfasizza kif Malta esperjenzat żieda fir-ritorni ta’ migranti mhux eliġibbli għall-protezzjoni internazzjonali, li kienet akkumpanjata minn tnaqqis qawwi fil-wasliet irregolari, u dan juri li hemm korrelazzjoni ċara bejn ritorni effettivi u wasliet irregolari.
Il-Ministru Camilleri għal darb’oħra enfasizza l-ħtieġa li tiġi adottata politika ta’ migrazzjoni ġusta, ġeneruża ma’ min għandu bżonn protezzjoni internazzjonali u iebsa ma’ min jabbuża mis-sistema u m’għandux dritt li jibqa’ fit-territorju tal-UE.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en