STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta Ġusta: Viżjoni fit-tul b’investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Ftehim iffirmat illum bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) se jpoġġi fiċ-ċentru żewġ setturi importanti għal pajjiżna, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'rabta ma' taħriġ li se jingħataw l-istudenti.
B'dan il-ftehim jaħseb ukoll biex studenti li jattendu l-MCAST ikollhom aktar opportunitajiet ta' esperjenza ta' xogħol marbut mas-suġġetti li jkunu qed jistudjaw.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li ppresedew l-iffirmar tal-ftehim, tkellmu dwar l-importanza li l-Gvern qed jagħti mhux biss lil dawn iż-żewġ oqsma, imma wkoll billi qed joffri aktar opportunitajiet lill-istudenti.
Il-Ministru Grima fakkar fil-miżuri mħabbra fil-budget, imma wkoll fil-ħidma tal-MCAST biex filwaqt li ssaħħaħ l-apprendistat, tkompli tifrex il-ħidma tagħha għal aktar opportunitajiet ta' taħriġ lill-istudenti.
“Qed ninvestu fl-istudenti biex ikomplu jeċċellaw fit-tagħlim tagħhom, itejbu l-ħiliet u jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Qed naraw ukoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-entitajiet kollha biex nagħtu importanza lir-riċerka, f'dan il-każ f'suġġett tant importanti għal pajjiżna, ix-Xjenza. Irridu nkomplu nqarrbu x-Xjenza mal-pubbliku fl-istess ħin li naraw li mmexxu 'l quddiem ir-riċerka f'oqsma li minnhom jibbenefika l-poplu kollu," qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq kemm dan il-ftehim huwa importanti għaliex qed ikompli jippromwovi r-riċerka. Huwa qal, “Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti bis-sħiħ fir-riċerka u l-innovazzjoni biex joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda għall-pajjiż u jgħin liċ-ċittadini fis-setturi l-aktar importanti, fosthom fil-qasam tas-saħħa. Dan jidher ċar meta l-Gvern investa għall-ewwel darba €800,000 fir-riċerka dwar il-kanċer f'Malta." Qal li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa prova tal-viżjoni fit-tul li għandu l-Gvern, hekk kif il-frott tiegħu mhuwiex wieħed momentarju imma se nesperjenzawh ukoll fis-snin li ġejjin, bl-għan aħħari li ntejbu l-kwalità ta' ħajja tan-nies.
“Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Tonio Portughese, qal, “Aħna kommessi li permezz ta' dan il-ftehim insaħħu l-kollaborazzjoni tagħna flimkien mal-MCAST. Permezz tal-Esplora u l-MCST se nkunu qed nipprovdu lill-istudenti tal-MCAST esperjenzi ta' xogħol filwaqt li nsaħħu l-koordinazzjoni ta' bejnietna, l-ippjanar u t-twettiq tal-inizjattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza."
Id-Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Tatjna Chircop qalet, “Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, il-Kulleġġ se jkompli jagħti s-sehem tiegħu biex insaħħu l-inizjattivi li jippromwovu x-xjenza u r-riċerka. Ser inkunu qed naħdmu biex l-istudenti tal-MCAST ikunu jistgħu jagħtu sehemhom filwaqt li jitgħallmu u jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol. Dan huwa kruċjali għalina, għaliex nemmnu li t-tagħlim ma jsirx biss bit-teorija iżda bil-prattika fid-dinja reali tax-xogħol filwaqt li jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom u jagħmlu r-riċerka."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en