STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Il-Ministru Byron Camilleri jattendi għal-laqgħa tal-Ministri Ewropej tad-Difiża
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri attenda l-laqgħa tal-Ministri Ewropej għad-Difiża bħala parti mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, li saret fi Brussell. Waqt din il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Camilleri flimkien mal-Ministri l-oħra tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iddiskuta l-għajnuna li qed tingħata l-Ukrajna sabiex tkun tista' tiddefendi t-territorju tagħha u l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni mir-Russja.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li Malta se tibqa' toffri l-għajnuna f'dawk l-oqsma li tista' b'konformità mal-obbligi Kostituzzjonali.
Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għall-isforzi ta' Malta sabiex tappoġġja l-Formula ta' Paċi tal-President Zelensky, dan permezz tat-tielet laqgħa għall-Konsulenti tas-Sigurtà Nazzjonali, li saret b'suċċess f'Malta. Il-Ministru Camilleri enfasizza l-bżonn li s-sapport li l-Unjoni Ewropea tipprovdi lill-Ukrajna jkun ibbażat fuq ippjanar fit-tul u li jinkludi l-prijoritajiet u l-isfidi li huma ta' importanza għall-Istati Membri. Huwa rrimarka li l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja sfidi li jolqtu s-sigurtà tagħha, liema sfidi ġejjin minn bnadi differenti u li dawn għandhom jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom.
Il-Ministru pparteċipa wkoll fid-diskussjoni dwar l-iżviluppi kurrenti fil-Lvant Nofsani, il-Balkani tal-Punent u l-Afrika. Waqt din id-diskussjoni intwera t-tħassib dwar is-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fis-Saħel u l-Lvant Nofsani, liema sitwazzjoni qiegħda dejjem tmur għall-agħar.
Il-Ministru Camilleri saħaq li l-attakk terroristiku tal-Hamas fuq l-Iżrael huwa kundannabbli. Madankollu, l-ebda attakk terroristiku jew biex wieħed jiddefendi ruħu m'għandu jwassal għall-qtil ta' mijiet ta' tfal innoċenti u nies ċivili. Il-Ministru Camilleri saħaq li għandna ninsistu fuq djalogu, li jwassal għal waqfien mill-ġlied u finalment għas-soluzzjoni li jinħolqu żewġ stati.
Il-Ministri tad-Difiża ddiskutew ukoll l-iżvilupp tar-Rapid Deployment Capacity li hija faċilità konġunta maħsuba biex tipprovdi lill-Istati Membri tal-UE l-kapaċità li jassistu liċ-ċittadini Ewropej f'mumenti ta' emerġenza. Il-Ministru Camilleri nnota wkoll li l-Forzi Armati ta' Malta taw il-kontibut tagħhom permezz ta' tim mediku fl-eżerċizzju konġunt. Il-Ministri ddiskutew ukoll il-prijoritajiet dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' Difiża, primarjament permezz ta' akkwist konġunt bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en