STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija ġimgħa t’attivitajiet sportivi – ‘Let’s Move Malta’
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, nediet 'Let's Move Malta', inizjattiva ta' ġimgħa t'attivitajiet sportivi li fiha se jkun hemm involuti bosta nies minn oqsma tal-ħajja.
Dr Lydia Abela, ukoll bħala President ta' Special Olympics Malta, irrimarkat li din il-ġimgħa għandha skop li tgħaqqad. “Is-sabiħ tal-isport huwa li jġib bosta persuni flimkien," sostniet Dr Abela, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta' Sport Malta, li b'kollaborazzjoni ma' din l-entità taħt il-Ministeru msemmi qed issir din l-inizjattiva, li se tibda mit-Tnejn filgħaxija b'attivitajiet sportivi mill-atleti ta' Special Olympics Malta. Dr Lydia Abela qalet li din l-inizjattiva ta' fejda favur soċjetà iktar b'saħħitha għandha wkoll twassalna biex aktar persuni jinvolvu ruħhom f'attivitajiet fiżiċi.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-investiment kbir li sar f'dawn l-aħħar snin fl-infrastruttura sportiva u qal li dawn il-faċilitajiet mhux biss qed jitgawdew mill-atleti u l-isportivi kollha, imma qegħdin hemm ukoll għall-pubbliku b'mod ġenerali. “Qed nipprovdu faċilitajiet tal-ogħla livell, kemm madwar pajjiżna u wkoll qed naraw li l-iskejjel ikunu attrezzati kif jixraq filwaqt li se nkomplu nenfasizzaw dwar l-importanza tal-isport u l-attività fiżika minn età żgħira.
Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta' SportMalta, tkellem dwar kif wieħed għandu jieħu opportunitajiet minn inizjattivi bħal dawn, biex permezz ta' oqsma differenti tal-ħajja, fosthom fuq il-post tax-xogħol, wieħed jagħmel attività fiżika fil-post fejn l-aktar iqatta' l-ħin tiegħu. Huwa qal li permezz ta' din l-inizjattiva rridu nuru li kulħadd jista' jagħmel attività fiżika, għandu kemm għandu età u fuq kollox, kullimkien.
L-attivitajiet huma mifruxin mill-Kumpless Sportiv tal-Ħal Kirkop, id-Dar Residenzjali San Vinċenz De Paul, il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, San Blas u l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en