STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR L-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità
€63 miljun għall-inklużjoni, il-volontarjat u d-drittijiet tal-konsumatur
Il-Budget għas-sena 2024 huwa l-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità. Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur ġie allokat €63 miljun, ċifra li tirrifletti żieda ta' €4.5 miljun fuq l-allokazzjoni għas-sena 2023.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet il-Budget bħala prova oħra ċara ta' Gvern b'ruħ soċjali li lest dejjem iwieżen lil dawk li għaddejjin minn sfida jew li għandhom xi diżabilità.
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Farrugia Portelli ffukat l-intervent tagħha fuq l-oqsma tal-inklużjoni u tal-konsumatur.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li fir-rigward tal-qasam tad-diżabilità, l-bażi ta' kollox hija r-riforma tal-Assistenti Personali, dak li bħalissa qed jiġi diskuss fuq skala nazzjonali, li persuna b'diżabilità flok tispiċċa f'home, tkun tista' tibqa' tgħix ħajja indipendenti fil-komunità bl-għajnuna ta' persuna tal-fiduċja tagħha li tgħinha fil-ħtiġijiet li jkollha. Għas-sena li ġejja f'din ir-riforma se ninvestu €5.2 miljun, miljun aktar milli investejna fis-sena li waslet biex tintemm. Dan jirrifletti mhux biss it-twettiq tal-wegħda elettorali imma wkoll konferma li Malta trid twettaq il-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità.
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-budget se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar. Spjegat li l-carers grant se tiżdied b'€487 fis-sena u se tkun qed tilħaq kważi €5,000. Il-pensjoni tad-diżabilità se tiżdied b'€17.39 fil-ġimgħa filwaqt li se nkomplu ngħinu lil dawk il-ġenituri li wliedhom jattendu għal terapija minħabba d-diżabilità tagħhom. Se jkun hemm ukoll żieda sostanzjali ta' €300 ta' kreditu fit-taxxa għal kull wild b'diżabilità. Dan ifisser li ċ-ċifra ta' €200 introdotta s-sena l-oħra issa se tilħaq €500.
Il-Ministru Farrugia kompliet tispjega fuq miżura oħra f'dan il-qasam li tirrigwarda persuni b'kundizzjoni mentali severa. “Wara li din is-sena tajna sentejn krediti ta' bolol lil kull min ma jkunx jaħdem minħabba problemi ta' saħħa mentali għal xi perjodu bejn l-età ta' 18 u 30 sena, issa se ndaħħlu miżura oħra li se tagħti l-opportunità lill-persuni li jbatu minn xi kundizzjoni mentali severa li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta' invalidità jekk l-applikant ikollu mill-inqas 50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali," spjegat il-Ministru Farrugia Portelli.
Is-sens ta' ġustizzja f'dan il-budget hu rifless ukoll fil-kumpens għall-vittmi tat-Thalidomide, persuni li twieldu b'diżabilità minħabba li fis-Snin 50 u 60 ommijiethom kienu ngħataw mediċina li minn ħafna pajjiżi oħrajn kienet diġà ġiet irtirata. Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li ġie allokat kumpens totali ta' €3 miljun għal dawk milqutin u li għadhom ħajjin. Fil-jiem li għaddew beda l-proċess ta' screening ta' kull applikazzjoni sottomessa.
Fir-rigward ta' proġetti kapitali, l-Ministru Farrugia Portelli rreferiet għal €1.8 miljun minn Aġenzija Sapport li fost affarijiet oħra se tara investiment ta' titjib f'numru ta' Ċentri ta' Matul il-Jum, modernizzar ta' numru ta' Ċentri kif ukoll il-bidu tal-bini tad-Dar Respite f'Ħad-Dingli.
Flimkien ma' din l-istqarrija qed jiġu ppublikati r-reazzjonijiet tal-imsieħba relevanti rigward il-miżuri tal-Budget 2024.
Il-Konsumatur
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet “Dan il-budget huwa qrib il-konsumatur bl-aktar mod possibbli. Huwa budget ieħor bla taxxi ġodda. Qed jagħti l-akbar protezzjoni billi jżomm stabbli l-kontijiet tad-dawl, l-ilma u l-fuels. Miżura li għaliha ġew allokati €350 miljun. Qed jerġa' jsaħħaħ il-pensjonijiet filwaqt li jżid b'mod qawwi ċ-Children's Allowance. Se jkunu introdotti aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern. Budget li qed jiġġieled l-għoli tal-ħajja billi jsaħħaħ id-dħul tal-familji, il-ħaddiema u l-middle-class b'żieda fil-paga u żieda fil-paga minima. Bil-għan li jkompli jkun indirizzat l-effett tal-inflazzjoni 95,000 familja se jirċievu bejn €100 u €1,500 mhux taxxabbli, miżura li waħedha biss tfisser €26 miljun."
Il-Budget se jkun qed jgħin ukoll lill-bdiewa b'miżura li taqa' direttament taħt l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. “Il-bdiewa se jkunu mgħejuna jkunu konformi ma' regoli tal-Unjoni Ewropea fi proċess li jkompli jsaħħaħ is-sorveljanza kontinwa li tagħmel l-Awtorità rigward il-pestiċidi. Dan huwa għall-benefiċċju kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumatur," temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en