Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Malta Ġusta: Gvern b’qalb soċjali u viżjoni ekonomika b’saħħitha

PR231714
Date Icon 31/10/2023

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ġusta, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dan huwa Gvern b'qalb soċjali u b'viżjoni ekonomika b'saħħitha.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li, għalkemm madwarna għadhom qed jippersistu kwistjonijiet diffiċli bħall-kunflitt fl-Ukrajna u issa anke f'Gaża, b'dan il-budget se jkunu qed jibbenefikaw eluf ta' familji, pensjonanti u negozji, u dan seta' jsir hekk kif it-tkabbir ekonomiku f'pajjiżna se jissokta tant li fl-2024 it-tkabbir mistenni jkun ta' madwar 4%. Għaldaqstant, qal il-Ministru, it-tema Malta Ġusta hija tema li torbot dak li qed ngħixu llum.

Dwar l-ekonomija diġitali, il-Ministru Schembri qal li skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea pajjiżna jinsab fis-sitt post fid-DESI report. “Nemmen li bħala pajjiż nistgħu nitilgħu iktar 'il fuq u l-mira u l-viżjoni hija li nkunu mal-ewwel tliet postijiet fl-Ewropa. Viżjoni ambizzjuża iżda li rridu nilħquha," qal il-Ministru Schembri.

L-industrija tat-teknoloġija f'pajjiżna, mingħajr ma ninkludu s-settur tal-gaming, fuq perjodu ta' 10 snin kibret bi 300%.

“Dan il-budget qiegħed jieħu diversi inizjattivi li jara li jalloka ammont ta' fondi sostanzjali biex l-immodernizzar ta' pajjiżna jkompli jseħħ b'ritmu mgħaġġel. Pedina importanti f'din il-viżjoni huma l-istart-ups. Huwa permezz ta' investiment qawwi fi start-ups li pajjiżna jista' jrawwem proġetti innovattivi li jistgħu jwasslu biex jitwieldu f'Malta kumpaniji rivoluzzjonarji hekk imsejħa unicorns," qal il-Ministru Silvio Schembri.

Huwa spjega kif f'pajjiżna waqqafna programm sħiħ ta' inċentivi li jimxi mal-iżvilupp tal-istess start-up jiġifieri sa mill-ewwel pass ta' meta l-proġett ikun għadu idea sa l-iżvilupp tiegħu. Fost dawn l-iskemi hemm:

  • Business Start: għal start-ups żgħar fil-bidu tal-fażi tal-iżvilupp tagħhom li jistgħu jieħdu għotja sa €10,000.
  • Startup Finance: għal dawk l-istart-ups li għandhom kunċett vijabbli u li hemm ħsieb ta' aktar żvilupp tal-attività ekonomika tagħhom. Dawn jistgħu jiġu mgħejuna sa €400,000.
  • Kick Start: għal start-ups b'kunċett vijabbli bbażat fuq riċerka teknika u xjentifika, li jistgħu jgawdu sa €100,000.
  • Venture Capital Fund: Permezz ta' dan il-fondse nkunu qed nindirizzaw lakuna fl-ekosistema tagħna. Hawnhekk permezz tal-Malta Government Investments (MGI) se jkun hemm fond ta' €10 miljun f'ekwità lill-imprendituri lokali li jersqu 'l quddiem b'ideat innovattivi jew li jkunu qed ifittxu li jiżviluppaw il-prodott tagħhom għal skop kummerċjali.
  • Seed Investment Scheme: skema li toffri inċentivi fil-forma ta' krediti ta' taxxa lill-kumpaniji Maltin wara li jkunu investew fi start-ups.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega wkoll il-kunċett ta' DiHubMT – investiment ta' €7 miljun li mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla fejn se jinħoloq spazju għal start-ups u scale-ups fejn isibu kulma għandhom bżonn għall-iżvilupp tal-prodotti tagħhom, fosthom l-għodod neċessarji fosthom High Performance Computer.

“B'dawn il-miżuri kollha qed nibnu ekosistema b'saħħitha li tkompli tgħinna għat-trasformazzjoni ekonomika ta' pajjiżna b'riżultati sbieħ," qal il-Ministru Schembri.

Video game development

F'dan il-qasam permezz tal-istrateġija tal-2018 u minn dak in-nhar numru ta' kumpaniji qed jaħdmu f'pajjiżna f'dan il-qasam fosthom Dorado games, Narc, Anvil u riċentement Keyworld Studios. 25 kumpanija li jħaddmu 'l fuq minn 250 persuna. Il-mira għal dan is-settur huwa li jikber għal 1% tal-GDP sal-2028.

Assi finanzjarji virtwali

Fl-2018, Malta kienet l-ewwel pajjiż li waqqafna qafas regolatorju li jaħdem fuq attivitajiet fuq blockchain u assi finanzjarji virtwali. Dan issa se jkun obbligatorju fl-Ewropa kollha. Sa Settembru li għadda, f'dan il-qasam kellna 12-il kumpanija ta' assi finanzjarji fosthom crypto.com, gate.io, okcoin, FalconX u bitpanda. Is-sena d-dieħla se nkunu qed nżidu l-promozzjoni ta' pajjiżna f'dan is-settur.

Fondi Ewropej

Il-Ministru Silvio Schembri qal li anke permezz tal-fondi Ewropej se nkunu qed ngħinu lin-negozji tagħna, fosthom permezz ta' fond ta' €40 miljun taħt l-iskema Business Enhance, €16.5 miljun taħt il-programm INVEST EU, skemi tal-RRP għar-rinnovazzjoni favur il-klima għal total ta' €20 miljun, flimkien ma' skemi oħra li jammontaw għal total ta' €100 miljun.

Industrija

F'dan il-qasam se jkun qed jissokta l-programm ta' investiment ta' €470 miljun f'infrastruttura industrijali, fosthom fuq ċentru tal-SMEs f'Ħal Far b'investiment ta' €30 miljun għal madwar 50 intrapriżi żgħar bħal mechanics, mastrudaxxi, sprayers, fost oħrajn.

Proġett ieħor huwa l-bini ta' madwar 31,000 metru kwadru ta' spazju għall-kiri u 385 spazju għall-parkeġġ f'San Ġwann viċin Mater Dei għall-attività marbuta mal-qasam tas-saħħa u life sciences. Proġett ta' €60 miljun.

Dan minbarra proġetti dwar microchips li qed isir flimkien ma' STMicroeletronics u investiment minn kumpanija tal-farmaċewtika.

Avjazzjoni

Fil-qasam tal-avjazzjoni, il-Ministru Silvio Schembri spjega x-xogħol li sar fuq taxiway Lima u li permezz tiegħu kumpaniji ta' tiswijiet u manutenzjoni ta' ajruplani MROs se jkunu jistgħu jakkomodaw ajruplani akbar. Din l-industrija mistennija tikber aktar b'żieda ta' kumpaniji oħra f'dan il-qasam li se jibdew joperaw minn pajjiżna.

Innaqqsu l-Burokrazija

“Nemmnu li l-burokrazija żejda hija ta' ostaklu għall-ekonomija u għalhekk għaddejjin bi proġett li bih nissimplifikaw il-proċess biex negozji ma jkollhomx bżonn jissottomettu l-istess dokumentazzjoni għal numru ta' drabi ma' entitajiet regolatorji differenti, partikolarment fil-proċessi relatati ma' KYC," tenna l-Ministru Schembri. Huwa spjega li se jiġi żviluppat Repożitorju Komuni Ċentrali tad-Data li se jiffaċilita l-proċess ta' identifikazzjoni tal-applikanti meta dawn ikunu qed jagħmlu negozju f'Malta. Kompla li se jaraw li kull negozju jkollu kont bankarju bażiku, kif ukoll se jwaqqfu Credit Review Office. Se tiġi mnedija wkoll portal ġdid għall-MBR. Barra minn hekk, l-MBR qed jaħdmu fuq assessment tool biex kumpaniji li jħossuhom li jista' jkun li qegħdin fit-triq tal-insolvenza jagħmlu test mingħajr ħlas.

“Dan huwa l-budget li qed jinċentiva l-ekonomija ta' għada permezz ta' strateġija lejn setturi ġodda u produttivi. Dan huwa l-budget għal Malta Ġusta," temm jgħid il-Ministru Schembri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Malta Ġusta: Gvern b’qalb soċjali u viżjoni ekonomika b’saħħitha
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow