STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Titnieda t-tieni edizzjoni tal-programm Let’s Talk Farming
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda t-tieni edizzjoni tal-programm Let's Talk Farming, filwaqt li ppreżenta l-premjijiet lil dawk l-iskejjel li rebħu fl-ewwel edizzjoni tal-programm.
Din l-inizjattiva involviet 47 skola primarja f'pajjiżna, kemm skejjel tal-istat, privati u anke tal-knisja, bil-għan li żżid l-għarfien minn età żgħira dwar l-importanza tal-agrikoltura u l-irwol li għandhom il-bdiewa u r-raħħala fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru Anton Refalo semma kif permezz ta' din l-inizjattiva qed titwettaq wegħda elettorali oħra. “Permezz ta' dan il-programm irridu li nkomplu nżidu l-għarfien fost it-tfal dwar l-importanza tal-agrikoltura fil-produzzjoni tal-ikel, il-valur tal-prodott lokali, il-konsum responsabbli tal-ikel u l-irwol tal-bdiewa u r-raħħala fis-soċjetà. Filwaqt li nagħtu l-opportunità lil kemm jista' jkun studenti fl-iskejjel primarji u 'l quddiem anke dawk sekondarji jipparteċipaw huma stess f'attivitajiet ta' tkabbir ta' frott u ħaxix."
Dan il-programm edukattiv involva numru ta' attivitajiet, fosthom diskussjonijiet, taħditiet mal-bdiewa u raħħala nfushom, għarfien dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma, sessjonijiet informattivi fl-iskejjel mill-Istitut tal-Agribusiness fi ħdan l-MCAST, l-involviment tal-ġenituri billi jinvolvu lil uliedhom meta jmorru jixtru l-ikel, jew jeħduhom żjara fil-Farmers' Market kif ukoll sabiex jesponuhom b'mixjiet qalb il-pajsaġġi rurali u t-tqassim ta' pakketti b'żrieragħ ta' numru ta' frott u ħaxix sabiex jitkabbar fl-iskola.
Tħabbar ukoll li l-Ministeru għall-Agrikoltura ser ikun qed jalloka fondi għal sussidju lill-iskejjel parteċipanti sabiex jorganizzaw ħarġiet edukattivi għand l-imsieħba tal-programm.
Waqt din is-serata ġew ippremjati wkoll l-iskejjel li laħqu l-kriterji stabbiliti f'dan il-programm. Aktar minn 20 skola minn 47 kienu ippremjati l-premju tad-deheb, li jfisser li organizzaw attivitajiet minn kull kategorija, 8 b'kollox, filwaqt li kellhom attivitajiet oriġinali u parteċipazzjoni matul is-sena kollha anke b'impenn tal-ġenituri.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en