STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Teknoloġija ta’ drones u AI se jgħinu lil Ambjent Malta fil-monitoraġġ ta’ speċi aljeni invażivi f’żoni rurali
Fi proġett iffinanzjat mill-MITA, l-Università ta' Malta għenet fl-iżvilupp ta' għodda diġitali ġdida għall-ħarsien tal-ambjent
Ambjent Malta u l-Università ta' Malta ħadmu flimkien biex żviluppaw għodda diġitali ġdida li tgħaqqad id-drones u neural networks biex isir monitoraġġ u mmaniġġjar aħjar ta' speċi ta' pjanti invażivi fil-widien u żoni rurali oħra.
Permezz ta' proġett iffinanzjat mill-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (MITA), il-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Università introduċiet din l-għodda diġitali innovattiva permezz tat-teknoloġija tad-drones fil-qasam tax-xjenza ambjentali, li se tbiddel il-mod ta' kif isir il-monitoraġġ u s-salvagwardja tal-wirt naturali ta' Malta.
Il-Ħamis, f'Għajn Tuffieħa, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ltaqgħet ma' ħaddiema ta' Ambjent Malta u t-tim tal-Università li ħadmu fuq dan il-proġett, waqt il-prova tal-applikazzjoni diġitali l-ġdida.
Biex ġiet żviluppata din l-għodda diġitali, l-Università użaw aerial drones li għandhom preċiżjoni għolja biex jiksbu ritratti b'reżoluzzjoni għolja tat-terren Malti, b'dimensjonijiet li jilħqu 50,000 b'20,000 pixel. Dawn l-immaġini huma imprezzabbli għal Ambjent Malta biex tistħarreġ it-tixrid ta' speċi aljeni invażivi fil-bijodiversità lokali, li jkopru żoni estensivi u ħafna drabi remoti bi preċiżjoni u effiċjenza mingħajr paragun.
F'dan il-proġett intuża l-kunċett tal-Convolutional Neural Networks (CNNs). Dan huwa programm li jista' jidentifika sa seba' speċi distinti ta' pjanti aljeni invażivi permezz ta' ritratti ta' kwalità għolja u preċiżi. Wara li tinġabar l-informazzjoni permezz ta' tabelli, CNNs jistgħu viżwalment jagħrfu karatteristiċi ta' dawn l-ispeċi b'aktar effiċjenza u preċiżjoni, anke f'każijiet fejn dawn ma jkunux immarkati.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-klassi fiżika. Dan il-proġett iservi bħala turija tanġibbli tal-integrazzjoni bejn l-edukazzjoni, ix-xjenza ambjentali, u t-teknoloġija avvanzata.
“Dan il-proġett se jgħin lil Ambjent Malta u organizzazzjonijiet ambjentali oħra biex itejbu l-effettività tal-ħidma tagħhom biex jikkonservaw l-ekosistemi ta' Malta. It-transizzjoni diġitali tal-monitoraġġ ambjentali ta' Ambjent Malta qed tissimplifika u tiżviluppa aktar il-proċess ta' identifikazzjoni ta' speċi invażivi, u b'aktar data f'idejna, inkunu f'pożizzjoni aħjar biex nimplimentaw interventi sostenibbli f'livelli differenti," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Josianne Muscat u Alex Borg Galea minn Ambjent Malta, u l-Prof. John Abela u l-Prof. Ing. Gianluca Valentino mill-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, kienu preżenti waqt il-prova tal-applikazzjoni l-ġdida.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en