STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ser jingħata taħriġ lill-professjonisti dwar il-‘parental alienation’
Ser jibda jingħata taħriġ lill-professjonisti li matul ix-xogħol tagħhom jiltaqgħu ma' każijiet ta' 'parental alienation'. Dan it-taħriġ għandu l-għan illi jżid l-għarfien dwar is-suġġett, u b'hekk il-professjonisti soċjali u legali jkunu f'pożizzjoni illi jiggwidaw aħjar lill-familji milquta, speċjalment lit-tfal.
It-taħriġ ser jibda jingħata online minn nhar it-3 ta' Novembru mill-psikoloġista u terapista tal-Familja, Roberta Farrugia Debono, u se jkun mifrux fuq numru ta' sessjonijiet fuq il-Paġna 'Positive Parenting'.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, fejn matulha kienu ppreżentati studji internazzjonali dwar interventi illi jistgħu jintużaw sabiex jgħinu lit-tfal u anke lill-ġenitur, li fuqhom ikun għaddej abbuż.
Dawn l-istudji jinkludu 'reunification programmes', fejn it-tfal, fuq Ordni mill-Qorti, jitpoġġew mal-ġenitur li jkun qed jiffaċċja xkiel u ħsara kontinwa mill-parti l-oħra. Kunċett bħal dan jintuża biss meta jkun hemm każijiet serji ħafna ta' 'parental alienation'. Sitwazzjoni oħra illi tista' tgħin lill-membri tal-familja kollha hija l-'family therapy', fejn isiru sessjonijiet mal-familja kollha, li joħolqu aktar għarfien dwar il-konsegwenzi serji li qed twassal din it-tip ta' aljenazzjoni.
Il-Kumitat Tekniku tal-'Parental Alienation' saħaq li se jkompli l-ħidma tiegħu fejn joħloq iktar kuxjenza u għarfien, sabiex kull ġenitur u anke familjari jkollhom aċċess ugwali għat-tfal.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq illi dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser iwasslu għal riformi tant mistennija, speċjalment fejn jidħol dewmien żejjed, f'każijiet li jidhru quddiem il-ġudikatura. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-Avukat tat-Tfal, sabiex kull tifel u tifla jkollhom vuċi b'saħħitha li tirrifletti dak kollu illi jkunu għaddejjin minnu.
“Għandna l-obbligu u r-responsabbiltà li nilleġislaw, illi nagħmlu 'policies', li jirriflettu r-realtajiet soċjali tal-mument. Issa huwa l-waqt li verament nieħdu azzjoni, li permezz tagħha nkunu ta' sostenn f'sitwazzjonijiet ta' aċċess, għaliex it-tfal għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en