STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Jirritorna l-festival taċ-ċikkulata fil-Ħamrun nhar is-Sibt li ġej
Nhar is-Sibt li ġej jirritorna l-festival taċ-ċikkulata fil-Ħamrun. Din l-attività ser tara Triq il-Kbira fil-Ħamrun u t-toroq tal-madwar mimlija b’attrazzjonijiet u inizjattivi li jduru mat-tema’ tal-ħelu, b’mod primarju ċ-ċikkulata.
Għal din is-sena ser ikunu hemm ukoll is-sehem ta’ parteċipanti minn ChocoModica Festival, avveniment li jsir f’Modica l-Italja simili għal dak li ser jiġi organizzat fil-Ħamrun.
Dan il-festival internazzjonali ser ikun qiegħed jara ċikkulata minn Malta, l-Italja, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Amerika, il-Brażil, ir-Renju Unit, fost oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut u l-koordinatur ta’ dan il-festival Mario Camilleri.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif dan il-festival juri l-potenzjal li kull belt u raħal fil-gżejjer Maltin għandhom x’joffru. “L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkompli tkun ta’ spalla mal-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali biex festivals ta’ din l-għamla jkomplu jgħollu l-livell tal-prodott turistiku u kulturali li joffri pajjiżna. Il-festival taċ-ċikkulata fil-Ħamrun huwa opportunità biex inkomplu noffru iżjed attrazzjonijiet lill-Maltin u t-turisti li jridu jduqu u jgawdu l-gastronomija Maltija,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li din is-sena d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali allokat madwar €800,000 f’fondi għall-attivitajiet kulturali annwali organizzati mill-Kunsilli Lokali. Hija spjegat li l-għan ewlieni ta’ din l-iskema hija li jżommu l-kultura Maltija ħajja fil-qalba tal-lokalitajiet, filwaqt li jkomplu jesponu t-tradizzjonijiet u t-talent lokali. Is-Segretarju Parlamentari faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għall-impenn tiegħu sabiex jorganizza t-13-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata.
Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut semma kif l-għan ta’ dan il-festival huwa li jkompli jgħin fir-riġenerazzjoni tal-Ħamrun. “F’dan il-lokal bħalissa qed isir xogħol kbir, u dan kollu qed jgħin biex il-Ħamrun ikun dejjem aħjar u joffri esperjenza unika lil dawk kollha li jżuruh, mhux biss waqt dan il-festival imma matul is-sena kollha. Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-business community tal-Ħamrun, l-għaqdiet kollha, li huma ukoll parti mis-suċċess li sena wara l-oħra jikseb dan il-festival,” temm jgħid is-Sur Sammut.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en