STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Konferenza dwar il-Jum Dinji tal-Ikel 2023 fil-Parlament ta’ Malta
Id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati MP David Agius mexxa Konferenza dwar il-Jum Dinji tal-Ikel 2023 fil-Parlament ta' Malta. Din il-konferenza ġiet organizzata flimkien mal-Aġenzija Maltija tal-Ikel (Malta Food Agency) u saret biex tfakkar it-twaqqif tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO), fl-1945.
F'diskors li għamel, id-Deputat Speaker tkellem dwar il-kriżi tal-ikel bnin li qed tikkawża tbatija lil tant bnedmin fil-pajjiżi l-aktar foqra fid-dinja. Kull persuna umana għandha d-dritt li tgħix u tgħix ħajja dinjituża. Il-figuri ppubblikati kemm mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-UNICEF, il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, juru kemm hi gravi s-sitwazzjoni attwali tan-nuqqas tal-ikel fid-dinja. Aktar minn 900 miljun ruħ fid-dinja ma għandhomx ikel. Il-maġġor parti minnhom jgħixu f'pajjiżi fqar ħafna. In-nuqqas ta' ikel fost it-tfal qed twassal biex ħafna mit-tfal taħt il-ħames snin imutu bil-ġuħ. Dawk it-tfal li jgħixu, huma nieqsa minn ikel bnin u sustanzjuż u l-futur tagħhom hu wieħed imċajpar.
Din il-kriżi tan-nuqqas ta' ikel, l-aktar f'pajjiżi fqar, hi riżultat ukoll ta' għadd ta' konflitti u gwerer madwar id-dinja u nuqqas ta' żvilupp. Dan qed iwassal biex għadd kbir ta' persuni jħallu pajjiżhom u jfittxu ġejjieni aħjar f'pajjiżi aħjar bħal fl-Ewropa u t-Tramuntana tal-Amerika.
Id-Deputat Speaker saħaq u appella lill-komunità internazzjonali sabiex tieħu azzjoni immedjata u tanġibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja. Pajjiżi għonja, inkluż l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandhom jikkollaboraw aktar ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex jitfassal pjan ta' azzjoni biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja, bil-pajjiżi fqar jingħataw l-għajnuna meħtieġa fil-biedja u s-sajd, l-għan aħħari għandu jkun li dawn is-setturi vitali għal ħajja jikbru biex isiru għajn ta' dħul ekonomiku ewlieni.
Id-Deputat Speaker David Agius tkellem dwar tema importanti oħra: il-ħtieġa u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-ilma tajjeb. F'dan ir-rigward, hu saħaq fuq l-importanza li l-gvernijiet jipproteġu l-ilma tal-pjan, iniedu programmi ta' afforestazzjoni, jipproteġu l-art agrikola u jħarsu l-ibħra u s-sajd.
F'din il-konferenza ħadu sehem għadd ta' delegati kemm Maltin u barranin, kif ukoll, l-MP u Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, l-MP u Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, l-MP Anthony Bezzina u l-MP Ivan Bartolo.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en