STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Il-Ministru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima jiċħad b'mod kategoriku dak li qed jallegaw il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Rebekah Borg u Justin Schembri. Il-Ministru jenfasizza li qatt ma żgwida l-Parlament, kontra dak li qed jallegaw il-Kelliema tal-Oppożizzjoni. Il-Ministru Clifton Grima kien korrett u ċar fit-tweġibiet tiegħu għall-Mistoqsijiet Parlamentari u pprovda l-informazzjoni mitluba.
L-allegazzjonijiet bla bażi tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni se jkomplu jiġu esposti anki għaliex huma intenzjonati biss biex ifixklu l-ħidma li qed issir fis-settur tal-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata. Fl-allegazzjonijiet tagħhom, fost oħrajn, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni qed jipprovaw idaħħlu dubju li r-rapport ta' awditjar ma sarx, meta dan mhux biss sar imma huwa wkoll pubbliku. L-allegazzjonijiet inveritiera u malafamanti tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni jmorru b'mod intenzjonat kontra dak li huwa is-sewwa magħruf kif ukoll fatti li huma pubbliċi.
Il-Ministru mhux se jħalli lil min jippolitiċizza u jtappan b'gideb u allegazzjonijiet foloz għal skopijiet purament partiġġjani, ix-xogħol kbir li qed tagħmel l-Awtorità ta' Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA). Il-Ministru jtenni li għandu fiduċja assoluta fl-MFHEA u kull informazzjoni pprovduta minnhom.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en