STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Jiġu ppubblikati Linji Gwida dwar l-Ugwaljanza u l-Mainstreaming tal-Ġeneri
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, niedew linji gwida dwar il-prinċipji tal-Ugwaljanza u l-Mainstreaming tal-Ġeneri.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dawn il-linji gwida huma maħsuba sabiex isaħħu b'mod konkret il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex eventwalment dawn ikunu parti mill-kultura tas-soċjetà tagħna. Qalet li dan huwa l-pass li jmiss fil-mixja ta' pajjiżna lejn l-ugwaljanza sħiħa.
Dawn il-linji gwida jidentifikaw setturi li fihom il-gvern, individwi, negozji u għaqdiet qed jiġu mħeġġa biex fl-operat tagħhom ta' kuljum jieħdu passi biex jirrimedjaw għad-diskrepanzi li qed iwasslu għat-trattament mhux ugwali bejn il-ġeneri.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li dawn il-linji gwida jiffokaw fuq kif għandu jkun hemm parteċipazzjoni u viżibilità għall-ġeneri kollha f'laqgħat, f'avvenimenti, f'rapporti, f'pubblikazzjoni, fir-reklamar u fix-xiri pubbliku. Hija żiedet tgħid li l-linji gwida jesiġu wkoll aktar sensittività lejn kull ġeneru fil-lingwaġġ mitkellem u miktub.
“L-għażla ta' dawn is-setturi saret b'mod studjat u meqjus għaliex dawn ilkoll isawwru l-mentalità, għaliex kollha għandhom impatt fuq kif is-soċjetà tħares lejn il-perspettiva u d-dimensjoni tal-ugwaljanza," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Intant, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana sostna li huwa ta' sodisfazzjon li l-linji gwida imnedija llum saru wara konsultazzjoni wiesgħa ma' numru ta' entitajiet fosthom l-NSO, l-NCPE, il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa flimkien mal-Uffiċċju tiegħu fejn dan jixhed kif id-diversità u l-kulturi differenti anke fuq il-postijiet tax-xogħol iwasslu għal riżultati sinifikanti.
“Din hija l-Amministrazzjoni Pubblika li qed naħdmu għaliha. Amministrazzjoni Pubblika bla barrieri fejn kulħadd jaħdem b'sinerġija. Kommessi li dawn il-linji gwida ma jibqgħux biss fuq il-karta imma nkomplu nħaddmuhom fil-prattika ta' kuljum," tenna s-Sur Sultana.
L-entitajiet pubbliċi u privati qed jiġu mistiedna jimplimentaw dawn il-linji gwida. Il-linji gwida huma aċċessibbli hawn.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en