Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta l-ewwel fl-Ewropa fil-Cape Town Convention Compliance Index; enfasizzat l-importanza ta’ miżuri li jsaħħu l-element kompetittiv fis-settur tal-avjazzjoni

pr231572
Date Icon 11/10/2023

Bħala pajjiż li jagħraf l-importanza tal-industrija tal-avjazzjoni, Malta se tkompli tiffaċilita t-tkabbir u tenfasizza l-bżonn ta' futur sostenibbli għall-industrija. Xhieda ta' dan hija l-fatt li Malta telgħet fil-quċċata fil-Cape Town Compliance Index u issa tinsab it-tieni fid-dinja u l-ewwel fl-Ewropa b'punteġġ ta' 95. Dan juri ċar il-qafas leġiżlattiv b'saħħtu li pajjiżna joffri u li se jkompli jservi bħala l-bażi primarja għat-tkabbir sostenibbli fis-snin li ġejjin.


Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza Malta Aviation Conference & EXPO (MACE).


MACE hija konferenza internazzjonali li titratta s-settur tal-avjazzjoni li ssir f'Malta kull sena. Din il-konferenza tattira numru ta' delegati minn madwar id-dinja. Din il-konferenza hija pjattaforma għall-investituri u professjonisti li joperaw f'din l-industrija, biex jiltaqgħu ma' dawk li jipprovdu s-servizzi fuq livell lokali fl-industrija tal-avjazzjoni.


Il-Cape Town Convention Compliance Index żviluppata mill-Aviation Working Group (AWG) jivvaluta l-konformità mill-istati mal-Convention on International Interests in Mobile Equipment and Aircraft Protocol. B'input fuq fatti legali minn aktar minn 200 ditta legali madwar id-dinja u wara proċess metodoloġiku rigoruż, l-indiċi juri l-valutazzjoni tal-AWG fuq il-probabbiltà ta' konformità mal-obbligi legali.


L-industrija tal-avjazzjoni kompliet tesperjenza tkabbir b'saħħtu u qed tattira interess internazzjonali. Preżentement, pajjiżna għandu aktar minn 820 ajruplan fuq ir-reġistru nazzjonali, b'47 AOC maħruġa lil linji tal-ajru differenti. Din l-industrija, li tħalli €600 miljun fis-sena fl-ekonomija ta' pajjiżna u tipprovdi t-trasport ta' miljuni ta' passiġġieri, ilha pilastru fundamentali għall-prosperità ta' pajjiżna.


Bħalissa hemm għaddejjin numru ta' proġetti kruċjali li se jkomplu jiżviluppaw l-industrija tal-avjazzjoni f'pajjiżna. Ewlenin fost dawn hemm l-investiment bla preċedent li qiegħed isir fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, fejn hemm investimenti li jlaħħqu l-€175 miljun ppjanati fil-5 snin li ġejjin, b'€39 miljun li se jintefqu din is-sena. Se tkun qed tinħoloq ukoll l-ewwel link bl-ajru bejn Malta u Għawdex, u bejn Għawdex u pajjiżi oħra permezz tal-airfield f'Għawdex. Dan jibni fuq l-istrateġija tal-Gvern elenkata fl-ewwel politika nazzjonali għall-avjazzjoni, mħabbra aktar kmieni din is-sena, fejn fiha hemm numru ta' miżuri intiżi biex joħolqu opportunitajiet ġodda għas-settur li jkompli jiġġeneraw attività kummerċjali. Finalment, Malta se jibqa' jkollha linja nazzjonali tal-ajru b'saħħitha, b'operat sostenibbli u li tagħmel il-qligħ, filwaqt li toffri konnettività tajba għall-gżejjer Maltin.


Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia enfasizza l-bżonn li pajjiżna jkompli jsaħħaħ l-element kompetittiv tiegħu. Huwa fisser kif dan jiġri biss jekk l-industrija tkompli tkun waħda innovattiva li tixpruna l-bidla filwaqt li ma tkunx mgħobbija b'regolamenti diffiċli, bla bżonn, u li jtaqqlu l-operat.

“Nemmen f'suq kompetittiv fejn in-negozji u l-linji tal-ajru jkollhom il-flessibiltà li jiffissaw in-nollijiet tagħhom ibbażati fuq l-ispejjeż operattivi u t-talbiet tas-suq. Fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE, se nkomplu nirreżistu t-talbiet ta' pajjiżi Ewropej oħra li qed jitolbu l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi li jirregolaw il-prezzijiet tan-nollijiet. Huma pożizzjonijiet bħal dawn li jkomplu jagħmlu lil Malta attraenti għall-kummerċ, għax l-industrija taf li mal-Gvern Malti tista' taħdem. Permezz ta' qafas leġislattiv b'saħħtu, flimkien ma' awtorità li topera b'aġilità qed naraw li pajjiżna jibqa' l-ġurisdizzjoni tal-għażla," temm jgħid il-Ministru Farrugia.


Fuq nota simili, il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta Jonathan Borg stqarr li l-viżjoni tal-awtorità hi li tkompli tikber billi tattira aktar kumpaniji lejn Malta.


Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili ta' Transport Malta (CAD) il-Kaptan Charles Pace tenna kif ir-rispons mill-industrija huwa wieħed li jixhed kif is-CAD qed ikun regolatur sod iżda ġust u pragmatiku.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta l-ewwel fl-Ewropa fil-Cape Town Convention Compliance Index; enfasizzat l-importanza ta’ miżuri li jsaħħu l-element kompetittiv fis-settur tal-avjazzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta l-ewwel fl-Ewropa fil-Cape Town Convention Compliance Index; enfasizzat l-importanza ta’ miżuri li jsaħħu l-element kompetittiv fis-settur tal-avjazzjoni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow