STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Iffirmat ftehim ġdid ta’ simplifikazzjoni għal għaqdiet volontarji f’pajjiżna
B'impenn biex insaħħu s-settur tal-volontarjat, tħabbar ftehim li permezz tiegħu l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) jkun l-uniku punt ta' referenza għall-interazzjonijiet neċessarji li jsiru bejn l-għaqdiet, l-MBR u l-OCVO.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-għaqdiet Not-For Profit u dawk volontarji jiġu mtaffa minn burokrazija u duplikazzjoni ta' informazzjoni lil regolaturi differenti hekk kif stabbilit minn liġijiet u obbligazzjonijiet diversi. Il-Gvern huwa impenjat li jħares, jissalvagwardja u jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat għax jemmen fir-rwol importanti li għandu fis-soċjetà u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' pajjiżna.
F'dan il-kuntest, il-Gvern impenja ruħu biex jittrasforma l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, f'wieħed li jwieżen u jixpruna l-għaqdiet apparti li jaqdi l-funzjonijiet regolatorji tiegħu, saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.
Dan il-pass tal-lum huwa wieħed minn tal-ewwel minn serje ta' passi ta' kollaborazzjoni bejn regolaturi differenti bi l-għan li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jkun jista' jaqdi din il-funzjoni importanti tiegħu.
Permezz ta' dan il-ftehim, l-Organizzazzjonijiet li huma reġistrati jew li jikkwalifikaw biex ikunu reġistrati wara li jgħaddu mill-proċess ta' analiżi u verifiċi neċessarji se jkunu qed jinteraġixxu b'mod dirett u b'mod uniku mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li minn naħa tiegħu se jkun qed jservi ta' pont mar-regolaturi l-oħra li jirregolaw l-operat fejn hemm bżonn.
Fir-riċerka u l-istudju li sar fuq livell nazzjonali bħala parti mit-tħejjija għat-tibdiliet jirriżulta li iktar minn 20% tal-għaqdiet reġistrati għandhom obbligi regolatarji ma' regolaturi differenti. Dan huwa punt importanti li wieħed iżomm f'moħħu u li joħroġ mil-liġi li l-ebda għaqda volontarja ma tista' twettaq operat f'settur jew ieħor mingħajr ma jkollha koperti l-liċenzjar, akkreditazzjoni jew aspetti legali li jikkonċernaw il-qasam li jaħdmu fih.
Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet kollha huma mitluba li jinfurmaw lill-MBR bil-listi tal-individwi li jifformawhom u fejn hu meħtieġ u mixtieq jirreġistraw mal-MBR biex ikollhom persuna legali skont kif stabbilit minn direttivi Ewropej. Huwa f'dan il-kuntest li ngħatat prijorità biex l-ewwel ftehim ta' dan it-tip ikun mal-MBR.
Dan il-pass seta' jittieħed wara t-tisħiħ li sar tal-operat tal-OCVO u fid-dawl tal-eżerċizzju ta' konsultazzjoni u riċerka estensiva li saret fil-kuntest tal-konvenzjoni VO Plus li tnediet fl-2021.
Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba spjega li l-pern ta' kull riforma li qed tiġi implimentata hija msejsa fuq dak li jinħass li huwa importanti li jseħħ biex l-għaqdiet jilħqu l-milja taghom. Huwa spjega li t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma' entitajiet regolatorji oħra huwa kruċjali biex fejn hu possibbli l-għaqdiet jiġu mgħejjuna jilħqu l-għanijiet taghħhom. Huwa rringrazzja lil Kap Eżekuttiv tal-MBR u Reġistratur tal-MBR Dr Geraldine Spiteri Lucas u lit-tim tagħha biex din il-kollaborazzjoni tkun possibbli għal-ġid tas-settur.
Huwa rringazzja wkoll lill-istaff fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu għal mod li bih laqgħu u implimentaw it-tibdiliet li kellhom isiru biex l-Uffiċċju jkun jista jservi waqt li jirregola l-għaqdiet.
Huwa spjega li bħalissa qed jitħejja wkoll d-dokument finali biex fuqu jkun jista' jiġi rakkomandat għall-konsultazzjoni pubblika t-tibdiliet li għandhom u jistgħu isiru biex wara li pew skrutinizzati u analizzati l-1,843 organizzazzjoni reġistrati miegħu jkunu jistgħu jiġu kategorizzati u klassifikati b'mod li jħares kif aspetti varji regolatarji jkunu jistgħu jissaħħu waqt li l-organizzazzjonijiet jkunu mgħejjuna jilħqu l-milja tagħhom.
Dr Geraldine Spiteri Lucas qalet li dan il-ftehim huwa possibbli wara li f'dawn l-aħħar sentejn saru numru ta' passi miż-żewġ organizzazzjonijiet regolatorji fejn allinejaw aspetti tal-operat tagħhom u kollaboraw biex jintlaħaq dan il-ftehim. Waqt li ż-żewġ uffiċċji għandhom funzjoni regolatoraja li toħroġ minn għadd ta' liġijiet u direttivi intenazzjonali, iż-żewġ entitajiet japprezzaw il-ħidma tal-voluntiera f'pajjiżna u kien għalhekk li ngħata bidu għal dan il-proċess li nemmnu li huwa importanti biex b'hekk tissaħħaħ l-effiċjenza fuq livell regolatorju kif ukoll minn aspett operattiv.
Dr Spiteri Lucas rringazzjat lit-tim tal-MBR li huwa responsabbli minn dan is-settur li kien strumentali fl-allinjament tal-ħidma tiegħu biex dan il-ftehim ikun jista' jsir possibbli.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en