STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Jitlesta r-restawr ta’ 15-il proġett kulturali f’Għawdex li wasslu għat-twaqqif ta’ heritage trail reliġjuża
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, flimkien mal-assoċjazzjoni KURA, ħabbru li tlesta r-restawr ta' 15-il proġett kulturali, li ġew restawrati permezz ta' fondi Ewropej. Ħabbru wkoll it-twaqqif ta' heritage trail għal turiżmu reliġjuż, li ser tkun qed tagħti l-opportunità lill-pubbliku jgawdi minn dawn il-proġetti.
Il-proġetti kienu jinkludu restawr ta' faċċati u kampnari tal-knejjes, znieter, pitturi tas-saqaf u koppli, riġenerazzjoni ta' mużewijiet u oratorji u restawr ta' orgnijiet u oħrajn. L-aħħar parti tal-proġett kienet tinkludi l-ewwel heritage trail ta' turiżmu reliġjuż f'Għawdex, li se jiġi reklamat ukoll barra minn xtutna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li l-gvern qed jappoġġa l-investimenti fil-wirt kulturali biex jiġu żviluppati aktar l-assi nazzjonali ta' pajjiżna fis-sostenn tal-iżvilupp tan-negozju u t-tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu li hija waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija. “Hekk kif wasalna fl-aħħar tal-programm ta' fondi Ewropej 2014-2020, proġetti bħal dawn huma ix-xiehda ta' kif dan il-gvern qiegħed juża r-riżorsi kollha sabiex jinvesti fl-ekonomija Għawdxija, f'dan il-każ fit-titjib tal-wirt kulturali u t-turiżmu, u b'hekk Għawdex jibqa' fiċ-ċentru tal-politika ta'dan il-gvern," temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Il-leader tal-proġett, Noel Formosa spjega li din l-okkażjoni timmarka l-aħħar fażi ta' proġett ħolistiku mwettaq mill-Assoċjazzjoni Kura matul dawn l-aħħar 5 snin li matulhom, diversi lokalitajiet gawdew minn fondi Ewropej, biex sar restawr fuq patrimonju li jappartjeni għall-parroċċi, knejjes u ċentri li jinsabu f'Għawdex. “Nistgħu ngħidu li dan il-proġett mhux biss ġedded dan il-patrimonju imma wkoll salvah għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin" qal is-Sur Formosa.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Curia f'Għawdex, Anthony Bezzina, qal li għad-Djoċesi ta' Għawdex din l-okkażjoni hija importanti għaliex id-Djoċesi, permezz tal-Assoċjazzjoni Kura, qed tagħlaq proġett kofinanzjat minn Fondi Ewropej, sabiex jieħdu ħsieb dak li ħallew ta' qabilna. “Il-Knisja f'Għawdex tħossha obbligata li tieħu ħsieb dan il-patrimonju u qed tagħmel dan grazzi għal fondi Ewropej hekk kif b'din il-heritage trail li nedejna ser tgħin sabiex, mhux biss ingawdu aħna minn dawn il-ġojjelli li għandna f'Għawdex, imma wkoll li nesponuh lil dawk li jiġu jżuruna filwaqt li ngħinu lis-settur turistiku," għalaq is-Sur Bezzina.
Għal dan il-proġett, li sewa €2.24 miljun, ġew allokati €1.7 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, taħt il-programm tal-Assi Prijoritarju 5. Dan il-programm huwa ddedikat għall-ħarsien tal-ambjent b'enfasi fuq l-investiment f'assi naturali u kulturali bl-għan li tittejjeb il-kompetittività Maltija fis-settur tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' assi naturali, kulturali u storiċi, li huma maħsuba biex itejbu aktar l-esperjenza tat-turiżmu kulturali Malti u Għawdxi, filwaqt li jiġġeneraw ukoll aktar influss turistiku lejn il-gżejjer tagħna.
Is-siti li ġew restawrati u li b'hekk jagħmlu parti minn din il-heritage trail reliġjuża huma:
- Il-Knisja Parrokkjali ta' Santa Margerita, Pjazza Sannat — Restawr tal-kampnari u orgni
- Il-Bażilika ta' San Ġorġ, Victoria — Restawr ta' pitturi tal-koppla u pitturi tas-seklu 17
- Katidral tal-Assunta, Pjazza Katidral, Ċittadella, Victoria — Restawr tal-pitturi tal-koppla
- Mużew tal-Katidral, Ċittadella, Victoria — Restawr tal-binja tal-mużew
- Il-Knisja Parrokkjali tal-Fontana Qalb ta' Ġesù, Fontana — Restawr tal-estern tal-Knisja u z-zuntier kif ukoll restawr tal-pitturi
- Il-Knisja ta' Santa Luċija, Sta. Luċija — Restawr taz-zuntier
- Knisja ta' Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta' Kerċem — Restawr tal-pitturi tas-saqaf
- Il-Bażilika tal-Għarb — Restawr ta' pitturi u orgni
- Knisja ta' Kristu Salvatur, Għasri —Restawr tal-estern tal-knisja
- Il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, Marsalforn — Restawr tal-estern tal-knisja
- Knisja Parrokkjali tax-Xagħra, ix-Xagħra — Restawr tal-pitturi
- Il-Knisja tan-Nazzarenu, ix-Xagħra — Xogħlijiet esterni ta' restawr, inklużi xogħlijiet fuq iz-zuntier
- Knisja Parrokkjali ta' San Ġużepp, il-Qala — Xogħlijiet ta' restawr esterni inkluża l-knisja
- Don Bosco Oratory, Victoria — Xogħlijiet ta' restawr interni inklużi l-mainstage u backstage
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en