STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Offrut servizz ġdid ta’ GP fil-komunità
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se tibda toffri servizz ta' tabib għall-anzjani li għandhom aktar minn 60 sena, li jgħixu fil-komunità, u li jkollhom problemi ta' saħħa kumplessa. Id-dettalji dwar is-servizz ġdid tħabbru mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Abela spjega li professjonisti fil-kura tas-saħħa se jkunu qed jidentifikaw dawk l-anzjani eliġibbli għal dan is-servizz, fosthom anzjani li mhux qed jieħdu dan is-servizz mid-Dipartiment tal-Kura Primarja u/jew mhux jibbenifikaw minn servizzi oħra relatati; anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar; anzjani li għandhom diversi kundizzjonijiet ta' saħħa.
Huwa kompla jispjega li t-tabib tal-komunità se jkun qed jaħdem fuq il-każi tal-anzjani eliġibbli għal dan is-servizz, u permezz ta' pjan ta' kura medika, l-anzjani ser jirċievu kura skont il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.
“Bħala Gvern konxji li fil-komunità għandna persuni bi problemi ta' saħħa kumplessa. Għaldaqstant, dan huwa servizz ieħor mill-kullana ta' servizzi li jiġu offruti, biex l-anzjani jibqgħu jiġu mgħejuna u jkomplu jgħixu fil-komunità," temm jgħid il-Ministru Abela.
Għal iktar informazzjoni, kemm fuq dan is-servizz kif ukoll għall-informazzjoni fuq servizzi oħra li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista' jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 3, Triq Zekka, il-Belt, jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt. F'Għawdex wieħed jista' jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788238, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Informazzjoni tista' tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en