STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Estiż il-programm tal-continuous glucose monitors għal persuni b’dijabete tip 1 sa 35 sena
Il-programm ta' Continuous Glucose Monitors (CGM), li sa issa kien ta' suċċess kbir fost persuni ta' taħt it-23 sena li jbatu bid-dijabete tip 1, ġie estiż għal darb'oħra sabiex issa dan is-servizz qed ikun offrut, bla ħlas, lill-persuni ta' taħt is-36 sena. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li elenka l-benefiċċji tas-saħħa li ġew osservati fost il-pazjenti ta' età iżgħar, li diġà bdew jagħmlu użu minn dan is-servizz fix-xhur u snin li għaddew.
Chris Fearne spjega kif ta' kull sena jkunu reġistrati medja ta' 110 każijiet ġodda ta' dijabete tat-tip 1 u kif din il-kundizzjoni tista' tibda minn età żgħira. Huwa fakkar kif meta ma tkunx ikkontrollata sew, din il-kundizzjoni tista' twassal għal kumplikazzjonijiet ulterjuri fis-saħħa tal-pazjent u għalhekk it-teknoloġija avvanzata tal-continuous glucose monitors tista' tevita li dan jiġri. Dan peress li l-magni, li qed ikunu offruti bla ħlas lill-pazjenti eliġibbli, jagħtu stampa preċiża tal-livell taz-zokkor fid-demm f'kull ħin, permezz ta' app fuq il-mobile tal-pazjent jew tal-ġenitur.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li dan is-servizz, li beda minn proġett pilota sentejn ilu fost it-tfal dijabetiċi, mhux talli offra serħan il-moħħ lill-pazjenti u l-ġenituri, talli qiegħed inaqqas il-probabilità li dawn il-pazjenti jsofru minn kumplikazzjonijiet assoċjati mad-dijabete huma u jikbru.
“Il-pjan tal-Gvern li nestendu l-eliġibilità għall-continuous glucose monitors, bla ħlas, b'mod gradwali qiegħed iħalli r-riżultati mixtieqa. Kommessi li fix-xhur li ġejjin inkomplu nestendu dan is-servizz ġdid għal etajiet ikbar, sakemm noffruh lil kull min ibagħti mid-dijabete tip 1," tenna d-Deputat Prim Ministru.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mit-Tnejn 9 ta' Ottubru 2023 se tibda l-iskeda tat-tilqim tal-influwenza u tal-booster tal-COVID-19. Chris Fearne fisser kif it-tilqim li se jkun offrut, kemm tal-influwenza u kif ukoll tal-Covid-19, huwa addattat għall-varjant tal-virus li se tkun prevalenti din ix-Xitwa. Huwa fisser kif matul l-ewwel ġimgħa tal-programm ta' vaċċinazzjoni se jkunu eliġibbli li jitlaqqmu persuni ta' 'l fuq minn 55 sena, persuni li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi, nisa tqal, persuni li jgħixu f'istituzzjonijiet u ħaddiema fis-settur tas-saħħa. Il-programm ta' vaċċinazzjoni jissokta mis-16 t' Ottubru għall-popolazzjoni kollha miċ-Ċentri tas-Saħħa, mingħajr il-bżonn ta' appuntament u mill-kliniċi fil-komunità, skont l-iskedi maħruġa fuq is-siti soċjali tas-saħħa.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en