Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: It-Taqsima tar-Riċerki fi ħdan l-Aġenzija Identità tibda topera minn post ġdid

pr231466
Date Icon 26/09/2023

It-Taqsima tar-Riċerki fi ħdan l-Aġenzija Identità bdew joperaw minn binja ġdida li hija aktar adegwata u mgħammra aħjar għall-impjegati u l-klijenti tad-dipartiment. Din ir-rilokazzjoni saret minħabba li l-binja li minnha kienet qed topera din it-taqsima ma baqgħetx f'kundizzjoni xierqa biex taqdi l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet mistennija minnha. L-uffiċini l-ġodda huma ftit passi biss 'il bogħod minn fejn kienet qed topera din it-taqsima, fi Triq l-Arċisqof, fil-Belt Valletta, stess.

L-uffiċini l-ġodda ġew inawgurati uffiċjalment mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità l-Kurunell Mark Mallia, waqt żjara li saret fil-binja fejn il-Ministru flimkien mal-Kap Eżekuttiv iltaqgħu mal-ħaddiema tat-Taqsima tar-Riċerki.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-funzjoni ewlenija tat-taqsima hija li tipprovdi riċerki uffiċjali li jiddeterminaw jekk l-individwu jew il-kumpanija kinux involuti f'trasferimenti ta' proprjetà immobbli f'perjodu speċifiku u għalhekk ix-xogħol jinvolvi riċerki ta' dokumenti flimkien ma' atti relatati mat-trasferiment ta' proprjetà.

“Matul is-sena l-oħra, saru aktar minn 200,000 talba għar-riċerka u kif ukoll kważi 50,000 nota li ġew ipproċessati minn din it-taqsima. Dan jixhed l-importanza li din it-taqsima għandha fi ħdan is-soċjetà Maltija u għalhekk inħass il-bżonn li din it-taqsima jkollha binja ġdida minn fejn il-pubbliku jista' jiġi moqdi aħjar. Din id-deċiżjoni li jkun rilokat minn fejn jiġi provdut is-servizz, hija parti minn numru ta' bidliet immirati sabiex jitjieb is-servizz, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni tar-riċerki," qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li t-taqsima tar-riċerki kienet, hija u se tibqa' tkun punt ewlieni fil-ħidma biex wieħed jaqdi firxa wiesgħa ta' talbiet partikolari u importanti. Fil-fatt, l-Aġenzija sar ikollha wkoll irwol importanti f'dan kollu u l-użu tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni flimkien mal-investiment qawwi fl-informatika għandhom jixprunaw aktar din l-Aġenzija biex toffri servizzi aktar effiċjenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità l-Kurunell Mark Mallia spjega li l-istruttura tal-binja li minnha kienet qed topera t-Taqsima tar-Riċerki sofriet danni estensivi matul is-snin u għalhekk l-Aġenzija rat li tirriloka dan l-uffiċċju f'binja ġdida fil-Belt, għaliex kemm il-pubbliku, u kif ukoll il-ħaddiema, jixirqilhom post strutturalment b'saħħtu, modern u attrezzat aħjar minn fejn jaħdmu u jinqdew. Huwa temm jgħid li din ir-rilokazzjoni hija xhieda tal-impenn li l-Aġenzija Identità għandha, li tpoġġi lill-klijent fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni, u li tħares l-interessi tal-ħaddiema tagħha.

Intant, il-funzjoni prinċipali tat-Taqsima tar-Riċerki hija li tipprovdi riċerki uffiċjali fuq individwi u entitajiet b'konnessjoni mar-reġistrazzjoni tan-noti dwar it-trasferimenti inter vivos kif ukoll causa mortis, ta' proprjetà immobbli u r-reġistrazzjonijiet ta' noti ta' ipoteki u ta' privileġġi li permezz tagħhom jiġu stabbiliti obbligi bħal self u ħlas ta' ċnus.

Waqt l-inawgurazzjoni ta' dawn l-uffiċini ġie mfakkar ukoll kif it-Taqsima tar-Riċerki nediet proġett vast ħafna tad-Diġitalizzazzjoni tar-Riċerki, u fil-fatt fix-xhur li għaddew introduċiet l-ewwel firma elettronika kwalifikata, maħruġa skont ir-rekwiżiti imposti mir-Regolament Ewropew 910/2014 u bi ftehim mal-partijiet kollha konċernati. Dan huwa l-ewwel pass li se jwitti t-triq għar-reġistrazzjoni u l-iskrizzjoni ta' noti li huma wkoll fil-pjan li jiġu diġitizzati biex b'hekk il-klijenti jiġu offruti soluzzjoni kompluta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: It-Taqsima tar-Riċerki fi ħdan l-Aġenzija Identità tibda topera minn post ġdid
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: It-Taqsima tar-Riċerki fi ħdan l-Aġenzija Identità tibda topera minn post ġdid
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow