STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Inawgurati l-uffiċċini l-ġodda tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi inawgura l-uffiċini tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), fil-Marsa.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi ta rendikont tar-riformi li seħħew jew qegħdin iseħħu fis-settur tal-kostruzzjoni fosthom ir-regolamenti dwar l-obbligu ta' liċenzjar tal-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u bini u t-tibdil fir-regoli tal-liċenzja tal-bennej li għadha kif intemmet il-konsultazzjoni pubblika dwarha. Saħaq li bidla importanti f'din il-liċenzja se jkun l-obbligu tar-refresher courses għall-bennejja biex jaġġornaw ruħhom mar-realtajiet tal-industrija tal-lum. Il-Ministru stqarr ukoll li b'riżultat tal-konsultazzjoni li saret dwar il-liċenzja tal-bennejja, il-Gvern se jkun qed iwessa' d-diskussjoni bil-għan li jissaħħaħ il-qafas regolatorju dwar l-immaniġġjar ta' siti ta' kostruzzjoni.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll il-ħidma bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Università ta' Malta biex sar l-ewwel kompendju tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni ħalli eventwalment isir konsolidament ta' dawn il-liġijiet. Huwa rrefera wkoll għall-ħidma li qed issir mill-Awtorità biex il-bini jkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġu aġġornati r-regolamenti dwar l-Energy Performance Certificates magħrufa bħala EPCs.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-investiment li qed tagħmel il-BCA mhux qed isir biss permezz tal-binja li ġiet inawgurata llum imma fisser kif fix-xhur li ġejjin se jkun qed jitwettaq pjan ta' investiment qawwi fis-sistema tal-informatika tal-Awtorità b'investiment ta' madwar €1.8 miljun. “Il-ħaddiema tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollhom pjattaforma tal-informatika aktar b'saħħitha u ambjent aktar san fejn jaħdmu", tenna jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Fil-kummenti konklussivi tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li t-tliet għanijiet tal-ħidma kollha tal-Awtorità jibqgħu li l-pajjiż ikollu aktar responsabbiltà, aktar serjetà u fuq kollox kwalità aħjar fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Jesmond Muscat semma t-tliet sisien importanti li jwasslu sabiex il-ħidma tal-entità li jmexxi tkun waħda ta' suċċess. Dawn huma l-ħaddiema, l-ambjent li jaħdmu fih u l-għodda li jaħdmu biha. Huwa faħħar lill-ħaddiema għax-xogħol li jagħmlu u qal li n-numru ta' ħaddiema ser ikompli jiżdied sabiex is-servizz dejjem jitjieb. Is-Sur Muscat saħaq li “bl-uffiċini l-ġodda ħloqna post tax-xogħol fejn il-ħaddiem iħossu komdu jaħdem". Huwa semma wkoll l-importanza tal-għodda li l-ħaddiem għandu bżonn jaħdem biha u qal li fil-futur qarib l-Awtorità ser ikollha sistema ta' teknoloġija avvanzata li permezz tagħha ser tkun f'pożizzjoni li toffri l-aqwa servizz lill-klijenti tagħha.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, is-Sur Carlos Tabone, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Sur Saviour Camilleri flimkien ma' membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en