STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker imexxi delegazzjoni parlamentari ġewwa l-Iżlanda
Fid-19 u l-20 ta' Settembru 2023 l-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa delegazzjoni parlamentari, magħmula mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u mill-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, ġewwa Reykjavik, l-Iżlanda. Din iż-żjara saret fuq stedina tal-Ispeaker tal-Parlament tal-Iżlanda, Birgir Ármannson, fl-okkażjoni tal-għeluq il-25 sena ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Iżlanda u Malta.
Mal-Ispeaker Ármannson id-delegazzjoni Maltija ddiskutiet is-sistemi parlamentari taż-żewġ pajjiżi, u l-lok li hemm għal aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ parlamenti, mhux biss fuq livell bilaterali, iżda wkoll fi ħdan l-għaqdiet interparlamentari li Malta u l-Iżlanda huma membri fihom. F'dan il-kuntest l-Ispeaker Farrugia tkellem ukoll dwar il-konferenza annwali tal-Ispeakers tal-Pajjiżi Żgħar Ewropej, li l-laqgħa tagħha tal-2024 ser tiġi organizzata mill-Parlament Malti, u kif minn dawn il-laqgħat jistgħu joħorġu pożizzjonijiet b'saħħithom dwar diversi materji komuni li jolqtu mill-qrib pajjiżi żgħar.
F'Reykjavik id-delegazzjoni kellha wkoll laqgħat mal-President tal-Iżlanda Dr Guðni Th. Jóhannesson, mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin tal-Parlament Iżlandiż, kif ukoll ma' uffiċjali għolja tal-Ministeru għall-Affarijiet Finanzjarji u Ekonomiċi. F'dawn il-laqgħat iż-żewġ naħat irrikonoxxew li minkejja d-distanza ġeografika bejn iż-żewġ pajjiżi, Malta u l-Iżlanda spiss jiffaċċjaw sfidi komuni u għalhekk qablu li l-koperazzjoni f'kull livell possibbli hija essenzjali.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en