Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Issiġillat ftehim bejn il-pajjiżi tal-Med9 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

pr231417
Date Icon 20/09/2023

Id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li Malta hija l-qalba tal-Ewropa u l-Mediterran fit-trasformazzjoni diġitali bil-politika mħaddma mill-Gvern

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri llum issiġilla ftehim bejn il-pajjiżi membri fil-Med9, għal aktar kollaborazzjoni fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali (AI), biex b'hekk ikollna infrastruttura b'saħħitha fl-AI fil-Mediterran. 

Hekk kif illum f'pajjiżna saret il-laqgħa tal-MED9 għall-Ministri tal-Ekonomija Diġitali, li ffukat fuq l-AI, il-Ministru Schembri sejjaħ għal aktar koperazzjoni u qsim ta' informazzjoni fl-użu ta' din it-teknoloġija bejn il-pajjiżi tal-Mediterran, biex ikun żgurat, li kif qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha tal-istat tal-unjoni, “make best use of this narrow window of opportunity to guide this technology responsibly."

Il-Ministru Schembri qal li l-ebda pajjiż ma għandu jaħdem f'vakum f'dinja li tgħaqqadna flimkien, u li ngħinu flimkien bir-riżorsi, fl-iskambju tad-data u f'investimenti fir-riċerka u żvilupp tat-teknoloġija, jaċċellera l-progress biex jiġi assigurat li l-AI verament tbiddel għall-aħjar lill-popli tagħna, aktar u aktar fl-ambitu tagħna ta' pajjiżi tal-Mediterran li jgħaqqduna wkoll il-karatteristiċi simili li għandna. 

Id-Direttur Ġenerali għall-Kummissjoni Ewropea, għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija Roberto Viola qal li Malta hija l-qalba fl-Ewropa u fil-Mediterran fit-trasformazzjoni diġitali, li jirreaferma s-suċċess ta' Malta, fosthom ir-riżultati għoljin miksuba fl-indiċi DESI. Id-Direttur Ġenerali faħħar il-ħidma tal-Gvern u kellu kliem ta' ringrazzjament għall-impenn tal-Ministru Silvio Schembri fl-isfera diġitali.

Intant, id-diskussjoni, li kienet immexxija mill-Ministru Schembri, misset diversi temi fosthom l-aspetti l-aktar kritiċi tal-AI, bħall-etika, ir-regolarizzazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp. 

Il-Ministru Schembri qal li, “Illum għamilna l-pedamenti biex inkunu nistgħu naħsdu l-potenzjal tal-AI, filwaqt li nindirizzaw l-isfidi li din it-teknoloġija ġġib magħha."

Dan ġie wkoll issiġillat iswed fuq l-abjad, fi stqarrija konġunta ffirmata mill-pajjiżi kollha tal-Med9, fi tmiem il-laqgħa. 

F'din l-istqarrija, il-Med9 ftehmu li jinvestu f'infrastruttura robusta fl-AI, li jiżviluppaw ċentri għar-riċerka u żvilupp fir-reġjun tal-Mediterran, biex tkompli tkun imħeġġa l-innovazzjoni u toħloq ambjent fejn jiġu xprunati l-intrapriżi u start-ups f'dan is-settur. Qablu wkoll li jaraw kif l-AI tista' tintuża bl-aħjar mod fis-servizz pubbliku biex ittejjeb l-effiċjenza, it-trasparenza u l-governanza, biex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw it-talenti fl-AI, biex jużaw teknoloġiji tal-AI li jistgħu jafdaw fil-ġlieda kontra s-cybercrime u bi protezzjoni għas-sistemi u data. Fl-aħħar nett biex itejbu l-kollaborazzjoni reġjonali billi jaqsmu l-prattiċi tajba, fosthom fuq kif jaġixxu f'emerġenzi reġjonali, bħal diżastri naturali jew pandemiji, b'applikazzjonijiet AI. 

Fuq kollox, il-pajjiżi ftehmu li jaħdmu flimkien bħala disa' stati membri fil-Mediterran, flimkien mal-politika u l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea f'dawn l-oqsma, biex jaqsmu l-għarfien u l-prattiċi tajba, jinvestu fi proġetti flimkien fuq riċerka li jwasslu biex jitwaqqaf forum għall-Eċċellenza fl-AI fir-reġjun tal-Mediterran bil-għan li jistabbilixxi ċentru teknoloġiku u innovattiv, flimkien ma' riċerka u kollaborazzjoni fl-AI. 

Sar ukoll qbil biex jiġi aktar imħeġġeġ il-litteriżmu diġitali u l-edukazzjoni li hija l-qofol biex ikollna soċjetajiet futuri preparati għall-użu tal-AI. 

Il-Grupp tal-Med9 kellu wkoll l-opportunità jżur t-TechXpo, li qed turi fejn wasal pajjiżna fl-innovazzjoni diġitali, kemm fis-settur pubbliku u dak privat.

Il-Ministru Schembri enfasizza li l-Gvern Malti kien fuq quddiem nett fl-iżvilupp teknoloġiku li qiegħed dejjem jinbidel, id f'id mas-settur privat. Huwa qal li Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li żviluppa qafas regolatorju għan-negozji li jaħdmu b'teknoloġija blockchain. Qafas li qed jiġi adottat mal-kumplament tal-Ewropa.

“Iżda għalkemm ksibna dawn is-suċċessi kollha xorta għad għandna ħafna fejn intejbu u ħafna opportunitajiet li nistgħu nieħdu vantaġġ minnhom, u għalhekk se nibqgħu naħdmu fit-triq tagħna li se twassalna għall-programm tad-Deċenju Diġitali 2030, b'enfasi biex inħeġġu aktar ħiliet diġitali u nnaqqsu l-qasma diġitali," temm jgħid il-Ministru Schembri. 

It-TechXpo hija miftuħa għada mingħajr ħlas għall-pubbliku ġenerali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Issiġillat ftehim bejn il-pajjiżi tal-Med9 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Issiġillat ftehim bejn il-pajjiżi tal-Med9 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Issiġillat ftehim bejn il-pajjiżi tal-Med9 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow