STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Tibda l-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità: Imħabbra r-rebbieħa tal-kompetizzjoni maħruġa minn Transport Malta
Tħabbru r-rebbieħa taż-żewġ kompetizzjonijiet annwali assoċjati mal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità organizzati minn Transport Malta b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Il-kampanja hija mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea u tiġi ċċelebrata kull sena bejn is-16 ta' Settembru u t-22 ta' Settembru li huwa l-Jum Dinji Mingħajr Karozza.
Dawn tħabbru mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt ċerimonja ta' għoti taċ-ċertifikati fi Transport Malta, li għaliha kien hemm ukoll preżenti rappreżentanti mill-kunsilli lokali rebbieħa.
Il-kompetizzjoni kienet maqsuma f'żewġ kategoriji: waħda mmirata għal miżuri permanenti ta' mobbiltà sostenibbli u kompetizzjoni għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti u attivitajiet żgħar.
L-ewwel kompetizzjoni kienet immirata biex tippermetti lill-Kunsilli Lokali u lill-NGOs jesploraw l-irwol tat-toroq fil-lokalità rispettiva tagħhom u possibbilment jimplimentaw soluzzjonijiet prattiċi biex jindirizzaw ċertu sfidi bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġis tal-arja u n-nuqqas ta' aċċessibbiltà fit-toroq ta' raħal urban. Ir-rebbieħ ta' din il-kompetizzjoni huwa l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li se jkun qed jinstalla erba' docking stations sabiex jiġu ċċarġjati għaxar e-bikes madwar il-lokalità. It-tieni rebbieħa huma il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq flimkien mal-Kunsill Reġjonali Punent fejn se jkunu qed jinstallaw parking sensors fil-parkings mal-qalba taż-Żurrieq biex permezz tagħhom jiġi evitat tidwir żejjed mal-lokalità u riżultat t'hekk, jonqsu l-emissjonijiet.
It-tieni kompetizzjoni kienet tiffoka fuq il-finanzjament tal-attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar modi ta' trasport sostenibbli u alternattivi. Il-kunsilli lokali rebbieħa se jkunu qed jorganizzaw dawn l-attivitajiet: Il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli se jkun qed jorganizza Heritage Trail bis-segways; bike ride organizzata flimkien mad-Dingli Scouts; pedometer challenge; street sports day u car-free day. Il-Kunsill Lokali tal-Imsida se jkun qed jorganizza attivitajiet fit-toroq li tgħaqqad Triq ix-Xatt Ta' Xbiex ma' Misraħ San Ġużepp, flimkien ma' car-free day. Il-Kunsill Lokali tal-Munxar se jtella' car-free day fix-Xlendi bejn is-16 u t-22 ta' Settembru; car-free day fil-Munxar; festa familja fix-Xlendi u oħra fil-Munxar u train ride għall-anzjani. Il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz se jkun qed jagħlaq l-aċċess għall-pjazza tar-raħal fejn se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet biex iħeġġeġ lir-residenti sabiex jagħmlu użu minn sorsi alternattivi ta' trasport, dan flimkien ma' numru ta' attivitajiet fil-qalba tal-pjazza biex jippromwovu l-carpooling u l-użu ta' trasport pubbliku, flimkien ma' car-free day.
Il-Ministru Aaron Farrugia fisser kif il-gvern għaddej b'diversi miżuri li permezz tagħhom qed jippromwovi l-użu alternattiv tal-mobbilità, u kif il-Kunsilli Lokali huma sieħba importanti għall-gvern biex ikompli jimplimenta l-viżjoni tiegħu biex il-mobilità f'pajjiżna ssir b'anqas dipendenza fuq il-karozzi personali.
“Nieħu pjaċir nara kunsilli lokali u għaqdiet jersqu 'l quddiem u joħorġu bi proġetti, xi ħaġa li nħeġġeġ aktar kunsilli lokali jagħmlu. Ejjew bl-ideat u l-proposti, l-bibien tagħna qatt m'huma magħluqa għal dawn it-tip ta' proġetti, sakemm l-iskop aħħari jkun li noħolqu toroq u spazji għan-nies u mhux dominati mill-vetturi. Mhux faċli li tisfida dak li għal ħafna snin drajna bih, iżda wasal iż-żmien li nieħdu lill-pajjiż 'il quddiem u għal-livell li jmiss," stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, Jonathan Borg spjega kif dawn il-kompetizzjonijiet kienu parti minn programm usa' ta' avvenimenti mifruxa matul is-sena. Minbarra li feraħ lir-rebbieħa taż-żewġ kompetizzjonijiet, il-kap eżekuttiv tkellem ukoll dwar ir-rwol ta' Transport Malta biex tirregola u tippromwovi soluzzjonijiet ta' trasport alternattivi u favur ambjent aktar nadif.
Min-naħa tagħha, Laura-Sue Armeni, Direttriċi responsabbli mill-affarijiet Ewropej fi ħdan Transport Malta, faħħret lill-Kunsilli Lokali għall-konkorrenza tagħhom, filwaqt li fakkret fl-attività tal-bike ride organizzata minn Transport Malta nhar l-24 ta' Settembru, li ser tkun qed timmarka t-tmiem tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbilità. Dawk kollha li jridu jattendu jistgħu japplikaw hawn.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en