STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Titnieda l-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards li tirrikonoxxi l-kontribut ta’ diversi persuni u organizzazzjonijiet fis-settur tat-trasport
It-trasport huwa pedament importanti ta’ kull soċjetà moderna, li jiffaċilita l-moviment tal-merkanzija, s-servizzi u n-nies. Biex jiġu ċċelebrati l-isforzi ta’ individwi u ta’ organizzazzjonijiet li kkontribwew b’mod sinifikanti fis-settur tat-trasport, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, ħabbar l-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards.
Id-dettalji tħabbru mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg u tal-bord tal-għażla tal-Malta National Transport Awards.
Il-Malta National Transport Awards se jkunu maqsuma f’ħames kategoriji:
Innovazzjoni: Proġetti li juru riżultati innovattivi u li jagħmlu użu minn teknoloġiji jew approċċi ġodda li jtejbu t-trasport.
Sostenibbiltà: Rikonoxximent lejn organizzazzjonijiet li jimplimentaw policies li jnaqqsu l-impatt ambjentali, inkluż bl-użu ta’ fjuwils alternattivi u prattiċi li jirrispettaw l-ambjent.
Modal Shift: Rikonoxximent ta’ inizjattivi li permezz tagħhom inbiddlu l-modi tat-trasport jew li tejbu l-ambjent tat-toroq, bħal strateġiji taċ-ċikliżmu u kampanji favur dawn l-inizjattivi.
Infrastruttura: Disinji innovattivi li jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet ta’ trasport li jkun flessibbli, sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
Sigurtà: Rikonoxximent tal-isforzi fis-sigurtà fit-toroq, l-immaniġġjar tat-traffiku, u l-infurzar li wasslu għal riżultati pożittivi.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li huwa xieraq li jiġu rikonoxxuti n-nies li qed jagħmlu sforz ġenwin biex id f’id mal-gvern u mal-Awtorità għat-Trasport jimxu lejn era ġdida għal din l-industrija.
“Dan is-settur hu kruċjali u l-futur ta’ kull pajjiż jiddependi fuqu. Irridu nkomplu nqajmu aktar kuxjenza dwar l-importanza ta’ sistemi ta’ trasport sostenibbli u effiċjenti. Waqt dawn l-awards, se nkunu qed nirrikonoxxu l-aqwa proġetti fl-oqsma tal-innovazzjoni, s-sostenibbiltà, l-progress, l-infrastruttura u s-sigurtà. Huwa importanti li nagħtu rikonoxximent u niċċelebraw is-suċċessi u d-dedikazzjoni ta’ dawk li jaħdmu biex jagħtuna servizz aħjar u dawk li jagħtu kontribut sinifikanti lis-settur tat-trasport, biex nindirizzaw l-isfidi tal-lum u ta’ għada,” tenna l-Ministru Farrugia.
Min-naħa tagħha, Jeanette Axisa, Chief Officer fi ħdan Transport Malta, qalet, “Ħafna jaħsbu li d-dekarbonizzazzjoni huwa proċess li għadu ’l bogħod, però d-dinja tan-negozju u tat-teknoloġija għaddejja b’pass mgħaġġel u għaldaqstant impenjati li nkomplu nħeġġu kumpaniji ta’ kull daqs fit-trasport jibdew jimxu lejn din il-qalba. Dawn l-awards għandhom l-iskop propju li jħeġġu u jippremjaw lis-settur privat biex jadotta u jinvesti f’sistemi sostenibbli għat-trasport f'pajjiżna.”
Tħabbar li n-nominazzjonijiet jiftħu nhar l-Erbgħa 20 ta’ Settembru u jagħlqu nhar l-Erbgħa 8 ta’ Novembru, bis-serata tal-premjazzjonijiet tittella’ fit-12 ta’ Diċembru 2023.
Għal aktar informazzjoni tista’ żżur https://transport.gov.mt/nationaltransportawards jew tibgħat email fuq marketing.tm@transport.gov.mt
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en