STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Investiment ta’ 30 karozza tal-linja elettrika ġdida li se jwasslu sa 410 vjaġġi aktar kuljum
Il-Gvern se jinvesti madwar €5 miljun fis-sena biex ikompli jsostni ż-żieda fil-frekwenzi
Bdew joperaw 30 karozza tal-linja elettrika ġdida b'investiment ta' aktar minn €20 miljun. Permezz ta' din iż-żieda, se jkunu qed isiru sa 410 vjaġġ aktar kuljum, f'16-il rotta li huma meqjusa bħala kruċjali għall-konnettività.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u ċ-Chairman tal-Malta Public Transport (MPT) Felipe Cosmen fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta Jonathan Borg u l-General Manager tal-MPT Konrad Pule.
Kull karozza tal-linja se tkun tista' tivvjaġġa sa 300 kilometru fuq charge waħda. B'hekk qed ikun żgurat li kull karozza tal-linja se tkun kapaċi toffri servizz fit-tul qabel ma jkollha terġa' tiġi ċċarġjata. Dan se jassigura li jiġi offrut servizz effiċjenti lill-klijenti li jużaw it-trasport pubbliku.
Dawn il-karozzi tal-linja elettriċi huma maħsuba biex inaqqsu l-istorbju u l-emissjonijiet b'madwar 70% meta mqabbla ma' karozzi tal-linja oħra li ma jaħdmux bl-elettriku. Dawn il-karozzi tal-linja se joffru wkoll numru ta' servizzi anċillari, fejn kull passiġġier jista' jagħmel użu minn punti tal-iċċarġjar u WiFi b'xejn.
Intant, il-Gvern jinsab kommess li jkompli għaddej bil-proċess tal-elettrifikazzjoni ta' numru ta' karozzi tal-linja fis-snin li ġejjin. Huwa pjanat li sas-sena 2025 se jkunu qed jinbidlu numru ta' karozzi tal-linja għal dawk elettriċi. Dan jinkludi investiment sa €34 miljun mill-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza li se jintużaw biex jinbidlu 102 karozza tal-linja. Il-Gvern għaddej ukoll bi proċess ta' kollaborazzjoni mal-operatur fejn preżentement qed issir evalwazzjoni ta' kif is-servizz tat-trasport pubbliku jista' jsir aktar effiċjenti.
Se jkun qed jinbeda wkoll proġett pilota fuq rotot li ma tantx hemm konkorrenza għalihom, fejn se tkun qed tiżdied minibus elettrika mal-flotta preżenti.
Waqt iċ-ċerimonja, ġie inawgurat investiment loġistiku fil-Park and Ride tal-Floriana, li se jkun qiegħed iservi bħala charging hub għal dawn il-karozzi tal-linja. Permezz ta' din l-infrastruttura effiċjenti tal-iċċarġjar, kull karozza tal-linja tista' tiġi ċċarġjata f'madwar sagħtejn. Din l-infrastruttura se tkun qed taċċerta l-effiċjenza meħtieġa biex l-operat ta' dawn il-karozzi tal-linja jkun tal-ogħla livell.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia enfasizza dwar l-investiment bla preċedent tal-Gvern f'trasport alternattiv, bl-investiment fit-trasport pubbliku jingħata l-ogħla prijorità biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi personali.
“L-introduzzjoni tat-trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd fisser żieda kbira ta' passiġġieri u żieda fid-domanda. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nibqgħu għaddejjin b'ħidma bejn ir-regolatur u l-operatur, biex il-pajjiż jieħu servizz ta' valur, li jkun hemm bidla fir-rotot u l-frekwenzi skont il-bżonnijiet tad-demografiji ġodda. Dan filwaqt li nkomplu bl-impenn tagħna bl-elettrifikazzjoni tal-flotta," spjega l-Ministru Farrugia.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Public Transport Felipe Cosmen qal, “F'Awwissu 2023, ilħaqna rekord sinifikanti fejn għall-ewwel darba ġarrejna aktar minn 6 miljun passiġġier f'xahar. Dan huwa riżultat pożittiv ħafna. Huwa sinjal qawwi ta' fiduċja fl-operat tal-karozzi tal-linja, u juri li n-nies f'Malta huma lesti li jużaw it-trasport pubbliku. Madankollu, ma nistgħux nieqfu hawn. Irridu nkomplu nagħmlu t-trasport pubbliku aktar attraenti biex nattiraw aktar passiġġiera."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en