Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL

pr231304
Date Icon 05/09/2023

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kommess li jkompli jaħdem biex jibqa’ jwettaq ġustizzja soċjali ma’ dawk l-aktar vulnerabbli u jkompli jsaħħaħ il-benefiċċji soċjali għal dawk l-aktar fil-bżonn, filwaqt li jaġixxi u jwaqqaf kull tip ta’ abbuż minn kwalunkwe benefiċċju. 

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza kontinwament jaħdmu biex jiżguraw li kull għajnuna tmur għand min verament huwa fil-bżonn. 

Regolarment, dawn id-dipartimenti, u speċjalment dan tal-aħħar, jiskrutinizzaw każijiet ta’ allegat abbuż permezz ta’ spezzjonijiet mingħajr avviż, u fejn jiġu wkoll prattikati eżerċizzji ta’ osservanza (compliance) kontinwa, biex jaraw li l-flus sejrin għand min hu eliġibbli. 

Dawn l-eżerċizzji u spezzjonijiet wasslu saħansitra biex jitwaqqfu benefiċċji lil persuni li assolutament ma kienx ħaqqhom ħlasijiet, u fejn permezz ta’ hekk ġew iffrankati u nġabru lura miljuni ta’ ewro. Dan eżerċizzju li ssaħħaħ ferm fl-aħħar snin, tant li ta’ kull sena jingħata rendikont ta’ din il-ħidma. 

Intant, b’referenza għal rapporti li saru fil-midja, fejn allegatament intqal li kien hemm abbuż minn benefiċċji soċjali għal persuni b’diżabilità severa, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jiċħad kategorikament allegazzjonijiet li m’aġixxiex dwar akkużi ta’ abbuż. 

Id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza f’dan il-ministeru stess fl-2022 u minn jeddha, għaddiet informazzjoni lill-pulizija. Dan wara li f’Settembru 2022, din id-diviżjoni fi ħdan il-ministeru ltaqgħet ma’ numru ta’ applikazzjonijiet fejn fihom kien hemm suspett ta’ allegat frodi u/jew iffalsifikar ta’ numru ta’ dokumenti mediċi. 

Filwaqt li d-Diviżjoni ma tkunx mgħarrfa bid-dettalji tal-investigazzjonijiet tal-pulizija, il-pulizija kienet talbet ukoll id-dettalji ta’ dawk kollha li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabilità Severa bejn is-sena 2019 u s-sena 2022. Id-diviżjoni relevanti għaddiet din l-informazzjoni minnufih kif mitlub. Dan ma jfissirx li f’dawk il-każi kollha kien hemm abbuż. 

Fil-fatt, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-pulizija u bil-ħidma li saret mid-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, wasslet biex twaqqfu 141 każ ta’ Assistenza Għal Diżabilità Severa, li wasslet biex bdew jinġabru lura dawn il-pagamenti li ma kinux mistħoqqa u li jammontaw għal €2.1 miljun. Sa issa nġabru lura mat-€330,000.  

Id-Diviżjoni kif ukoll id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħtu benefiċċji ta’ natura medika, inklużi dawk għal diżabilità jew invalidità, skont dak rakkomandat minn tobba jew minn bordijiet mediċi, maħtura għal dan l-għan skont Artiklu 106 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.  

Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet huma totalment dipendenti fuq il-konklużjonijiet li jieħdu l-professjonisti mediċi dwar il-każijiet rispettivi. Irid jingħad ukoll li, sal-lum, il-pulizija ma tat ebda struzzjonijiet biex tittieħed xi forma ta’ azzjoni jew sanzjoni fil-konfront ta’ xi professjonist jew professjonisti li qegħdin fuq il-bordijiet mediċi tas-sigurtà soċjali maħtura bil-liġi.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jibqa’ impenjat li jindirizza u jsaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż soċjali, u jikkopera ma’ awtoritajiet oħra f’din il-ħidma.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow