STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imnedija l-Malta International Fish Fest 2023
Din is-sena se terġa' tiġi organizzata The Malta International Fish Fest 2023, festa li tiċċelebra t-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin marbutin mas-sajd. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Ġie spjegat li l-edizzjoni ta' din is-sena se jkollha perspettiva iktar wiesgħa u internazzjonali minn edizzjonijiet preċedenti peress li se tkun imqassma fuq żewġ dati differenti, f'żewġ lokalitajiet differenti magħrufin għas-sajd. Bħall-edizzjonijiet preċedenti, waqt il-Malta International Fish Fest se jkun hemm bejgħ ta' ħut, kif ukoll tisjir u promozzjoni ta' ħut tradizzjonali li jkunu maqbudin f'ibħra lokali, bħal spnott, awrat, tonn, lampuki, mazzoli u raj.
Il-komunità Xlukkajra u Mellieħija se jkunu parteċipi wkoll permezz ta' numru ta' stands informattivi u edukattivi, waqt li min jattendi jista' jgawdi minn divertiment b'xejn għat-tfal, kif ukoll serata ta' mużika għal persuni ta' kull età. Waqt l-edizzjoni ta' din is-sena, se jingħataw numru ta' premji li jiċċelebraw lis-sajjieda, li matul dawn l-aħħar xhur kellhom irwol importanti fil-promozzjoni u t-tisħiħ ta' dan is-settur.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal, “Dak kollu relatat mal-baħar u l-akwakultura kien, għadu u jrid jibqa' parti integrali mill-prodott turistiku Malti. Il-prioritajiet tagħna għandhom ikunu li l-ħiliet tas-sajjieda tagħna u l-istorja ta' dan is-settur jibqgħu ppreservati. Għaliex meta jkollok akwakultura b'saħħitha, jissaħħaħ il-prodott fil-lukandi, fir-restoranti u kull min b'mod dirett jew indirett jikkontribwixxi fil-qasam turistiku."
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said stqarret li, “is-sajd huwa parti mill-identità u l-istorja ta' pajjiżna. Permezz ta' din il-festa, qed niċċelebraw il-ħidma tas-sajjieda li, bnazzi jew maltemp, joħorġu 'l barra minn xtutna biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u biex jipprovdu l-ikel fuq il-platti tagħna. Din hija opportunità ukoll biex inżidu aktar għarfien dwar l-ispeċi differenti ta' ħut li joffri pajjiżna. Għalhekk inħeġġeġ lill-familja kollha biex jattendu għal dawn it-tip ta' attivitajiet sabiex flimkien nirrikonoxxu l-ħidma tas-sajjieda Maltin u Għawdxin."
The Malta International Fish Fest se tittella' nhar is-Sibt, 30 ta' Settembru, f'Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk u nhar il-Ħadd, 1 ta' Ottubru, fil-Mellieħa, fiż-żona ħdejn il-Mużew tat-Tunnara.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en