STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Lejla Rnella fil-Kalkara għall-familji wara finanzjament ta’ skema mmirata għal dan il-għan
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jkun qed jorganizza l-attività “Lejla Rnella", fil-bajja tar-Rnella l-Kalkara, nhar is-Sibt 19 ta' Awwissu mis-sebgħa ta' filgħaxija 'l quddiem. Il-kunsill lokali kien iffinanzjat permezz ta' fondi mill-iskema finanzjarja għall-Attivitajiet Kulturali Annwali sabiex tittella' din l-attività.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-gvern lokali kommess li jibqa' jinvesti fi skemi għall-attivitajiet soċjo-kulturali fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Hija spjegat li attivitajiet soċjo-kulturali joffru sens ta' komunità, filwaqt li jsaħħu l-kultura u d-drawwiet uniċi li joffru il-lokalitajiet Għawdxin u Maltin. “Permezz ta' dawn l-attivitajiet mhux biss inkunu qegħdin nesponu t-talent u t-tradizzjonijiet Maltin, imma nesponu wkoll irkejjen fil-lokalitajiet tagħna," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Għal din l-edizzjoni se jkun hemm diversi artisti lokali, fosthom Destiny, Owen Leuellen u Luke Chappell. Is-serata se tkun qed titmexxa minn Daniel Chircop ta' Danusan u animata b'mużika minn DJ Sar. Il-mistieden speċjali, Ivan Grech, se jkun qed jagħlaq din l-edizzjoni bil-mużika popolari tiegħu.
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina spjega li l-kunsill lokali ħa ħsieb li din l-attività tattira lill-familja kollha, għaldaqstant se jkun hemm żona għat-tfal, ikel u xorb, u kif ukoll żona fejn artisti lokali se jesebixxu xogħol maħdum bl-idejn.
Għal din l-attività l-kunsill lokali se joffri s-servizz ta' Park & Ride bla ħlas. Min se jattendi jista' jipparkja l-vettura tiegħu ħdejn il-grawnd tal-futbol tal-Kalkara jew ħdejn il-Kunvent tal-Patrijiet tal-Kapuċċini, fejn se jkun hemm trasport provdut biex in-nies jitwasslu sal-bajja għall-avveniment. Għal aktar informazzjoni fuq l-attività wieħed jista' jżur il-paġna ta' Facebook tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en