STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Ġnien fix-Xewkija se jsir l-ewwel ġnien carbon neutral f'Għawdex
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni se jinkludi wind tree u kinetic flooring
Ġnien il-Kunsill fix-Xewkija se jkun l-ewwel ġnien carbon neutral f'Għawdex, permezz ta’ proġett li se tkun qed timplimenta Project Green flimkien mal-Kunsill Lokali tax-Xewkija. Il-ġnien se jinkludi wind tree, kinetic flooring u teknoloġiji innovattivi oħra ta’ enerġija rinnovabbli.
Waqt żjara f’dan il-ġnien mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri, is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul, ġew spjegati d-dettalji ta’ dan il-proġett hekk kif dan il-ġnien se jkun trasformat fi ġnien ekoloġiku.
Il-pjanijiet li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jipproponu r-riġenerazzjoni ta' dan il-ġnien ta’ madwar 744 metru kwadru biex isir spazju aħdar mill-aktar effiċjenti u awto suffiċjenti. Dan il-ġnien se jinkludi ġibjuni ġodda b’sistemi ta’ tisqija avvanzati li jnaqqsu l-ħela tal-ilma, siġar u arbuxelli ġodda u sistemi ta’ dawl li jaħdmu permezz ta’ pannelli solari.
Project Green flimkien mal-Kunsill Lokali se jintroduċu sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża wind tree li tiġġenera l-elettriku permezz ta’ turbini tar-riħ żgħar, u kinetic flooring – teknoloġija innovattiva li titwaħħal mal-art u li tiġġenera l-elettriku meta dawk li jżuru l-ġnien jgħaddu minn fuqha bil-mixi jew ġiri.
It-tagħmir tal-logħob tat-tfal se jinbidel biex flokhom isiru kinetic jumping pods u spring riders li jiġġeneraw dawl u ħsejjes waqt li t-tfal ikunu qed jilgħabu. Ġnien il-Kunsill se jkun attrezzat ukoll b’logħob ġodda, bħal strutturi li tixxabbat magħhom, żrieżaq u mini li jikkumplimentaw l-ambjent ta’ dan il-ġnien, flimkien ma’ balancing trail magħmula minn plastik riċiklabbli.
Il-ġnien se jkollu wkoll USB charging stations u bankijiet għal dawk li jżuru dan l-ispazju miftuħ biex jaħdmu jew jistudjaw. Project Green qed tipproponi li f’dan is-sit ikun hemm ukoll bankijiet tondi madwar is-siġar eżistenti. L-aġenzija qed tara li ma jkunx hemm passaġġi miksija bil-konkos jew materjal ieħor simili. Minflok, dan il-ġnien se jkollu passaġġi b’materjali permeabbli li jassorbu l-ilma tax-xita.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-ftuħ tal-ewwel ġnien carbon neutral f’pajjiżna, fil-Kalkara, is-sena li għaddiet, intlaqa’ tajjeb ħafna u għalhekk l-entitajiet tal-Ministeru qed jaħdmu biex joħolqu aktar spazji miftuħa sostenibbli bħalu.
“Qed nikkollaboraw ma’ diversi entitajiet u individwi involuti f’dan il-qasam, fosthom il-kunsilli lokali, biex flimkien nerġgħu nagħtu l-ħajja lil ġonna eżistenti, filwaqt li nkomplu noħolqu spazji ħodor ġodda. L-għan prinċipali tal-pjan ta’ seba’ snin tagħna hu li niżguraw li kull fejn tgħix, tistudja jew taħdem f’Malta u Għawdex, issib spazju miftuħ viċin. Fl-istess waqt, iridu li dawn l-ispazji miftuħa jkunu aktar sostenibbli permezz ta’ infrastruttura li taħżen l-ilma tax-xita, iżjed siġar u arbuxelli indiġeni, materjali riċiklabbli u teknoloġiji t’enerġija rinnovabbli,” sostniet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li jħares ’il quddiem sabiex jara l-ewwel eco garden jinfetaħ fil-gżira Għawdxija. “Dak li wegħdna, li noffru aktar spazji miftuħa u spazji ħodor lin-nies, qed inwettquh anki f’Għawdex mhux biss permezz ta' dan il-proġett imma oħrajn bħal-Learning Garden li għadna kif inawgurajna f’Għajnsielem u l-proġett Victoria Park li bħalissa għaddej il-proċess ta' konsultazzjoni dwaru, u li se jikkonsisti mhux biss f’parkeġġ taħt l-art imma wkoll spazju miftuħ b’park fuq 20 tomna fiċ-ċentru tar-Rabat. Kommessi li nkomplu naħdmu sabiex tintlaħaq il-mira tal-Gvern li nżidu aktar postijiet ta' rikreazzjoni pubbliċi sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies,” tenna l-Ministru Camilleri.
Is-Sindku Hubert Saliba u l-Kap Eżekuttiv Steve Ellul spjegaw kif iż-żewġ entitajiet għaddejjin b’ħidma biex dan il-proġett jitlesta sa tmiem is-sena 2024. Is-Sindku spjega li l-applikazzjoni għall-permessi ta' dan il-proġett diġà ġew sottomessi, filwaqt li s-sejħa pubblika għall-materjali u s-servizzi meħtieġa se toħroġ aktar tard dis-sena. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green qal li l-kuntratt tax-xogħolijiet jinkludi wkoll pjan ta' manutenzjoni għal għaxar snin, bħala parti mill-impenn tal-Aġenzija biex proġetti bħal dawn jiġu miżmuma sew u b’hekk jibqgħu jitgawdew mill-komunità fis-snin li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en