STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-kunċert Sempre Vivo b’risq Puttinu Cares fil-Pjazza tax-Xagħra
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li wara s-suċċess li kellha s-sena l-oħra l-attività Sempre Vivo – Dejjem Ħaj, din is-sena se terġa' tittella' fi Pjazza Vittorja, ix-Xagħra, fil-11 ta' Awwissu li ġej. Dan il-kunċert uniku u b'għan nobbli, organizzat mill-“Karus l-Aħmar", kien sar sabiex titfakkar il-memorja ta' individwu li miet bil-kanċer u bil-għan li jinġabru l-flus għal Puttinu Cares sabiex ikomplu jgħinu lil dawk li għaddejjin minn problemi ta' saħħa u lill-familji tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Wara s-suċċess li kellu dan il-kunċert is-sena l-oħra, tant li nġabru €36,000 b'risq Puttinu Cares, din is-sena se tittella' t-tieni edizzjoni tiegħu. Din l-attività mhux biss misset il-qlub ta' ħafna imma uriet is-saħħa tal-unità u l-ġenerożità tal-poplu Għawdxi u Malti. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd sabiex fil-11 ta' Awwissu jattendi għall-kunċert Sempre Vivo sabiex bħala komunità nissapportjaw, infakkru u niċċelebraw il-ħajja permezz tal-mużika."
Il-kunċert ta' din is-sena se jkun wieħed memorabbli fejn se jindaqqu ġeneri differenti ta' mużika fosthom rock, pop, gregorjan u anke mużika ta' tifħir lil Alla. Se jkun hemm ukoll orkesta live u band akkumpanjati minn diversi kantanti stabbiliti u oħrajn ġodda. Għal din is-sena wkoll se jkun hemm għall-ewwel darba kor tat-tfal.
L-organizzaturi ħeġġu lil kulħadd jattendi sabiex ikomplu jgħinu lil Puttinu Cares. Jessica Rae Bonello f'isem il-“Karus l-Aħmar" qalet li “l-attività hija mingħajr ħlas imma d-donazzjonijiet li jingħataw imorru kollha għall-Puttinu li qed jgħinu tant u tant persuni u familji milquta bil-marda tal-kanċer. Kull min jattendi dan il-kunċert se jkun qed jikkontribwixxi u fuq kollox jagħti s-sapport tiegħu u t-tama li dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba problemi ta' saħħa."
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru għal Għawdex, permezz tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, kommess li jkompli jgħin attivitajiet b'għan nobbli li jħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en