Press ReleaseSTQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Aktar għarfien dwar kif il-fondi Ewropej jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar
Hekk kif wasal fi tmiemu l-pakkett ta' fondi Ewropej 2014-2020, Servizzi Ewropej f'Malta (SEM) qed itella' diversi inizjattivi biex jiżdied l-għarfien dwar il-proġetti li gawda minnhom pajjiżna.
Waħda minn dawn l-inizjattivi huwa l-programm 'EU Funds and Me', li għalih qed jipparteċipaw tfal li jattendu Skolasajf minn 35 ċentru differenti madwar Malta u Għawdex. F'dawn iċ-ċentri qed jintuża materjal interattiv u logħob li jinkoraġġixxu lit-tfal biex jitgħallmu aktar dwar l-Unjoni Ewropea u kif il-fondi Ewropej intużaw f'diversi proġetti f'pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett iltaqa' mat-tfal li jattendu Skolasajf fiċ-ċentru ta' Ħal Tarxien u tkellem magħhom dwar kif il-firxa wiesgħa ta' proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta' kull min jgħix f'pajjiżna.
Waqt dan l-avveniment tnediet ukoll kompetizzjoni fotografika mtellgħa minn SEM flimkien mal-Malta Photographic Society. L-għan tal-kompetizzjoni fotografika hu li jiżdied l-għarfien dwar kif il-fondi Ewropej matul is-snin għollew il-kwalità tal-ħajja u tejbu l-iżvilupp tal-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li hekk kif se jintemmu l-programmi operattivi għas-snin 2014-2020, wasal ukoll iż-żmien li ċ-ċittadini jaraw kif inbidel il-pajjiż fl-aħħar seba' snin permezz tal-fondi Ewropej u kif ser jinħoloq pont għal dak li ġej permezz tal-fondi mill-pakkett ta' €2.25 biljun li rnexxielu jinnegozja pajjiżna.
“Grazzi għal dawn l-inizjattivi bosta ser ikunu jistgħu jgawdu l-frott ta' dawn il-fondi u japprezzaw il-bidliet għall-aħjar li għadda minnhom pajjiżna," temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv ta' SEM, Denise Fiorentino, spjegat li r-ritratti tal-kompetizzjoni fotografika se jkunu esibiti għall-pubbliku aktar tard din is-sena. “Permezz ta' dawn l-inizjattivi u oħrajn, inkomplu nżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji li l-fondi Ewropej qed jagħmlu biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha."
Il-President tal-Malta Photographic Society, Stephen Buhagiar, spjega li t-tema ġenerali ta' din il-kompetizzjoni hija, 'Il-Fondi Ewropej għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar' u l-fotografi li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni huma mitluba jagħżlu proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea skont firxa wiesgħa ta' temi, fosthom it-titjib tal-prodott turistiku, investimenti fis-saħħa, fl-edukazzjoni u t-trasport, it-tibdil fil-klima u l-enerġija, il-ħarsien tal-patrimonju storiku u kulturali, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ, in-negozji, il-biedja u s-sajd, u ħafna oħrajn.
Is-sottomissjonijiet għal din il-kompetizzjoni fotografika jagħlqu fil-31 ta' Awwissu 2023 u jistgħu jiġu aċċessati mill-website tal-Malta Photographic Society, fejn wieħed jista' jsib ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en