STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Imnedija l-iskema ta’ għajnuna Rock’N Malta 2024
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-iskema ta’ għajnuna Rock’N Malta 2024. Din l-iskema ser tgħin finanzjarjament lill-artisti u lill-organizzaturi ta’ avvenimenti ta’ mużika rock, u s-sottoġeneri kollha tagħha. B’kollox qed jiġu allokati total ta’ €300,000 f’fondi.
“Din l-inizjattiva kisbet popolarità ma’ diversi organizzaturi lokali, li permezz ta’ dawn il-fondi rnexxielhom itellgħu kunċerti ta’ kalibru għoli li jesponi x-xogħol ta’ diversi artisti u gruppi lokali, kif ukoll artisti internazzjonali tal-ġeneru rock bħal Lordi, Barclay James Harvest, Dream Theatre, Krokus, Steve Hackett u ħafna aktar,” tenna l-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, saħaq li permezz ta’ Rock’N Malta, Festivals Malta qed tilħaq ġeneru ta’ mużika differenti minn dak li jkollha fil-festivals prinċipali tagħha. “Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-aġenzija tista’ tilħaq wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha: li tipprovdi opportunitajiet lill-artisti lokali biex jesponu x-xogħol tagħhom. Inħeġġu lill-organizzaturi u lil dawk li jippromwovu dawn l-avvenimenti sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jibbenifikaw minn dawn il-fondi,” qal is-Sur Zahra.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, Festivals Malta qed ikun ta’ sapport għall-artisti lokali, għall-organizzaturi u għal dawk li jippromwovu avvenimenti tax-xena mużikali rock. Kompla li l-mużika rock hija popolari lokalment, u dan huwa evidenti mill-avvenimenti ta’ Rock’N Malta li ġeneralment ikollhom attendenza numeruża.
L-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ Rock’N Malta 2024 jagħlqu nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Settembru 2023 f’nofsinhar. Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt għal aktar informazzjoni.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en