STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR: Jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar l-obbligu tal-liċenzjar tal-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni
L-Avviż Legali Nru. 166 tal-2023, li għall-ewwel darba ser jintroduċi f'Malta il-Liċenzjar tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni ġie ppubblikat fil-ħarġa tal-lum tal-Gazzetta tal-Gvern u daħal fis-seħħ. L-Avviż Legali qiegħed jobbliga lil kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini biex japplika għal Liċenzja mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). L-applikazzjonijiet ser jibdew jintlaqgħu min-nhar it-Tnejn 24 ta' Lulju u jistgħu isiru online fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) www.bca.org.mt.
Dawk il-kuntratturi li japplikaw f'dan il-perjodu stipulat ser ikunu jistgħu ikomplu bl-operat tagħhom waqt li l-applikazzjoni tagħhom tkun qed tiġi evalwata minn Kumitat tal-Liċenzjar li se jkun qed jitwaqqaf apposta skont dak stipulat fl-Avviż Legali. Min jonqos milli japplika sa l-aħħar t'Ottubru 2023 mhux se jkun jista' jaħdem xogħol ta' twaqqigħ, skavar u bini. Minn japplika għal liċenzja mill-1 ta' Novembru 2023 se jkun irid jistenna l-Kumitat tal-Liċenzjar joħroġlu approvazzjoni proviżorja tal-applikazzjoni tiegħu biex ikun jista' jaħdem sakemm eventwalment tinħariġlu il-liċenzja b'mod sħiħ. Il-Kumitat tal-Liċenzjar se jkun obbligat li joħroġ din l-approvazzjoni proviżorja fi żmien 60 jum mid-data tal-applikazzjoni.
Matul il-perjodu li fih tkun qegħda ssir l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, kull kuntrattur se jkun responsabbli li jwettaq l-obbligazzjonijiet kollha skont il-liġi fosthom li jiżgura li t-twettiq ta' kull xogħol jikkonferma mal-prattiċi, il-linji gwida u r-regolamenti li jappartjenu għall-attivitajiet ta' servizzi li għalihom tkun qed tintalab il-liċenzja. Il-kuntratturi jridu wkoll josservaw kull direzzjoni maħruġa mill-perit jew minn kull persuna oħra responsabbli bil-liġi, kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni, dikjarazzjoni tal-metodu u rekwiżiti marbuta mal-bini u l-kostruzzjoni li jkunu imposti minn kwalunkwe entità regolatorja.
Il-kuntratturi li japplikaw għal Liċenzja se jkunu mitluba jassiguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert b'polza ta' assigurazzjoni valida li tagħmel tajjeb għal kwalunkwe telf jew ħsara li xi persuna tista' ġġarrab riżultat ta' xi att jew ommissjoni min-naħa tal-kuntrattur liċenzjat jew ħaddiema li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu waqt it-twettiq tax-xogħlijiet, kif ukoll għal danni fuq il-post tax-xogħol, inkluż ħsara fuq xi impjegat li jista' jsofri. L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tista' tikkunsidra li kwalunkwe kontravenzjoni li ssir minn kuntrattur li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qed tiġi evalwata mill-Kumitat tal-Liċenzjar tista' twassal biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi rifjutata u b'hekk l-applikant ma jkunx jista' jkompli jaħdem. Min-naħa l-oħra kuntratturi li jkunu kisbu l-liċenzja u jwettqu xi kontravenzjoni jista' jkollhom il-liċenzja tagħhom sospiża jew irtirata.
L-Avviż Legali jistabbilixxi wkoll skeda ta' penali li jistgħu jeħlu kuntratturi li jkunu qed jaħdmu bla liċenzja jew b'liċenzja sospiża jew bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dawn jistgħu ivarjaw minn pieni ta' priġunerija ta' mhux aktar minn sitt xhur għal penali amministrattivi li jistgħu jlaħħqu l-€50,000 u multi ulterjuri sa massimu ta' €5,000 kuljum. Deċiżjonijiet tal-Awtorità dwar revoka jew sospensjoni ta' liċenzja se tkun tista' tiġi appellata quddiem Tribunal imwaqqaf skont l-Att. L-Avviż Legali qiegħed ukoll ifisser x'se jkunu l-kriterji mitluba mill-kuntratturi meta japplikaw għal Liċenzja tat-twaqqigħ, skavar li jinkludi wkoll il-piling, u l-kostruzzjoni. Hemm ukoll skeda tad-drittijiet amministrattivi li kull kuntrattur irid iħallas meta japplika għal-liċenzja jew għat-tiġdid tagħha. L-iskeda tal-ħlasijiet tvarja skont jekk kuntrattur ikunx mingħajr impjegati jew skont in-numru ta' impjegati li jħaddem miegħu. Mal-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi ġie ippubblikat ukoll l-Avviż Legali li jdaħħal fis-seħħ dawn ir-regolamenti u d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija biex jiġi eżentat il-perjodu ta' xahrejn ta' stennija qabel jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en