STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Inizjattivi favur mobilità attiva: Għotjiet għal proġetti ta’ mobilità attiva inkluż il-mixi, il-ġiri u l-użu tar-roti, fost oħrajn
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali flimkien ma’ Transport Malta ħabbru dettalji dwar il-EUROPEANMOBILITYWEEK 2023, inizjattiva mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea, li se tittella’ bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru. Din il-kampanja tinkludi wkoll il-Car Free Day u għandha l-għan li tippromwovi għażliet ta’ trasport sostenibbli.
Waħda mill-miri ewlenin tal-kampanja ta’ din is-sena hija l-espansjoni taż-żoni pedonali fiċ-ċentru tal-irħula urbani u l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ korsiji għar-roti fl-ibliet u l-irħula. Biex ikun hemm aktar parteċipazzjoni tħabbru żewġ kompetizzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, NGOs, u konsorzji:
1) Kompetizzjoni għall-Miżuri Permanenti ta’ Mobbiltà Sostenibbli: B’baġit ta’ €110,000, permezz ta’ din il-kompetizzjoni l-applikant rebbieħ se jirċievi €50,000, filwaqt li l-ewwel u t-tieni runners-up se jingħataw €30,000 kull wieħed. Il-kampanja tagħti opportunità lill-applikanti jesploraw ir-rwol tat-toroq rispettivi tagħhom u possibbilment jimplimentaw soluzzjonijiet prattiċi biex jindirizzaw sfidi urbani, bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġis tal-arja u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fit-toroq. Din il-kampanja tippermetti wkoll lill-Kunsilli Lokali jiffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ żoni pedonali fiċ-ċentru tal-irħula tagħhom, kif ukoll l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ karreġġjati għar-roti fl-ibliet u l-irħula rispettivi.
2) Kompetizzjoni għall-Avvenimenti u Attivitajiet Żgħar: Din il-kompetizzjoni se tipprovdi għotjiet ibbażati fuq l-iskala tal-avvenimenti organizzati. L-applikanti li jintgħażlu jistgħu jirċievu għotja ta’ €1,500 għall-organizzazzjoni ta’ Car Free Day, €2,000 għall-koordinazzjoni ta’ ġimgħa ta’ attivitajiet matul il-EUROPEANMOBILITYWEEK, u €2,500 għall-ippjanar kemm ta’ Car Free Day kif ukoll ġimgħa ta’ attivitajiet.
Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jħeġġu l-komunitajiet lokali, il-kunsilli, u l-NGOs biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-promozzjoni tal-mobilità sostenibbli u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-karozzi. Billi żżid iż-żoni pedonali u timplimenta korsiji għar-roti, il-kampanja għandha l-għan li toħloq ambjenti urbani aktar siguri u aċċessibbli filwaqt li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u l-emissjonijiet.
Il-Ministru Aaron Farrugia faħħar dawn l-inizjattivi u spjega s-sinifikat warajhom. “Permezz ta’ dawn l-iskemi, nistgħu niżviluppaw infrastruttura tanġibbli għan-nies f’żoni urbani fejn in-nies jaħdmu u jgħixu. Inħares ’il quddiem biex naraw il-proposti li ser jiġu sottomessi u eventwalment l-implimentazzjoni tal-proġetti. Dawn l-iskemi jimxu id f’id mal-pjan tagħna biex nagħtu lura lin-nies żoni li ma jkollomx użu eċċessiv ta’ vetturi,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Biex tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, Transport Malta se tkun qed torganizza National Bicycle Ride sabiex tqajjem aktar għarfien dwar l-importanza taċ-ċikliżmu bħala mezz alternattiv ta’ trasport kif ukoll il-benefiċċji tiegħu għas-saħħa.
Barra minn hekk, Transport Malta se torganizza Kors taċ-Ċikliżmu immirat lejn inġiniera tat-toroq, periti u partijiet interessati oħra, li jiffoka fuq prattiċi tajba f’disinji kondiviżi tat-toroq. Il-kors jinvolvi applikazzjoni attwali fit-toroq Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, qal li, “Inizjattivi ta’ din ix-xorta jgħinu lil dawk li japplikaw jiksbu għarfien u appoġġ siewi biex jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti innovattivi filwaqt li jippromwovu trasport li jirrispetta l-ambjent, inaqqsu l-konġestjoni, u jtejbu l-kwalità ġenerali tal-ħajja tar-residenti.”
Se jitqassam ktejjeb edukattiv dwar il-Mobilità Sostenibbli u s-Sigurtà fit-Toroq lill-istudenti kollha fil-11-il Sena tal-iskejjel kollha tal-istat, indipendenti u tal-knisja. Bħas-snin ta’ qabel, Transport Malta se tikkollabora ma’ Nature Trust biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ Green Travel Plans fl-iskejjel biex jinkoraġġixxu, jippromwovu u jappoġġjaw mobbiltà attiva f’istituzzjonijiet edukattivi immirati kemm għall-għalliema kif ukoll għall-istudenti.
Billi trawwem kultura ta’ trasport sostenibbli, il-EUROPEANMOBILITYWEEK 2023 tfittex li tispira bidliet pożittivi fl-imġieba tal-ivvjaġġar u tippromwovi l-użu ta’ alternattivi favur l-ambjent. Permezz ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u inizjattivi, Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qed jappoġġjaw soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli u aktar ekoloġiċi għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Idħol fuq is-sit elettroniku ta’ Transport Malta biex tikseb aktar informazzjoni rigward l-inizjattivi ta’ EUROPEANMOBILITYWEEK 2023. Se jsiru wkoll żewġ sessjonijiet ta’ informazzjoni, online, nhar l-Erbgħa 19 ta’ Lulju fid-09.00am u oħra nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju fl-10:00am. Il-partijiet interessati huma ġentilment mitluba jirreġistraw l-interess tagħhom fuq sustainablemobility.tm@transport.gov.mt.
Ritratt: Render ta’ Triq l-Indipendenza, il-Furjana, bħala parti mill-proġett ta’ mobilità attiva mħabbra minn Infrastructure Malta aktar kmieni din is-sena.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en