Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Analiżi tal-implimentazzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 2 – L-indirizzar tal-piż żejjed

pr231097
Date Icon 11/07/2023

Din l-analizi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) tiffoka fuq il-Mira ta' Żvilupp Sostenibbli 2.2, li għandha l-għan li ttemm kull forma ta' malnutrizzjoni. F'Malta, kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, l-aspett ta' nutrizzjoni l-aktar problematiku huwa l-piż żejjed, li jinkludi l-pre-obeżità u l-obeżità. Il-prevalenza għolja ta' piż żejjed fost l-adulti, l-adolexxenti u t-tfal f'Malta, l-impatt finanzjarju fuq in-nefqa pubblika, u l-impatt tal-obeżità fuq il-morbidità, il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa mentali u l-istennija tal-ħajja mmotivaw id-deċiżjoni tal-Uffiċċju li jiffoka din l-analiżi fuq l-isforzi tal-Gvern immirati biex titnaqqas il-prevalenza tal-piż żejjed.

L-NAO stabilixxa li, matul dawn l-aħħar snin, l-indikaturi tal-pre-obeżità, l-obeżità u l-piż żejjed fit-tfal, l-adolexxenti u l-adulti rreġistraw żieda. L-unika eċċezzjoni hija dik tal-indikatur tal-obeżità fit-tfal, li baqa' stabbli. Il-valutazzjoni ġenerali ta' dan l-Uffiċċju dwar jekk intlaħqux il-miri stabbiliti fil-Healthy Weight for Life Strategy hija negattiva, b'waħda biss mill-erba' miri mfassla, dik relatata mal-obeżità fl-adolexxenti, milħuqa. Fil-konsiderazzjoni tan-nuqqas ta' progress irreġistrat, l-NAO jirrikonoxxi li din is-sitwazzjoni mhijiex unika għal Malta. Barra minn hekk, dan l-Uffiċċju jagħraf in-natura kumplessa tal-fenomenu tal-piż żejjed, il-preżenza mifruxa u influwenti tal-ambjent obesoġeniku li jaqa' lil hinn mill-kontroll assolut tal-Gvern, kif ukoll l-element ta' responsabbiltà u għażla personali.

Dwar is-suffiċjenza u l-effettività tal-ħidma tal-Gvern, l-NAO jirrikonoxxi l-investiment u l-isforzi li saru, inklużi bidliet leġiżlattivi, żviluppi ta' politika, kif ukoll proġetti, miżuri u inizjattivi mwettqa. Madankollu, rati ta' prevalenza konsistentament għoljin iqajmu tħassib dwar jekk il-Gvern hux qed jirrikonoxxi bis-sħiħ il-gravità tal-problema u allura hux jieħu azzjoni suffiċjenti. Il-partijiet interessati kkonsultati f'din l-analiżi enfasizzaw limitazzjonijiet fil-finanzjament, fir-riżorsi umani u fil-provvista tas-servizzi, u kwistjonijiet relatati man-nuqqas ta' koerenza tal-politika. Ta' tħassib għall-NAO huwa l-iskop limitat tat-tibdil leġiżlattiv li ġie fis-seħħ, imnaqqas fil-firxa minn dak intenzjonat fil-mozzjoni privata oriġinali li tressqet fil-Parlament biex tindirizza l-obeżità. Dan l-Uffiċċju jħeġġeġ it-tisħiħ fir-rieda politika biex l-indirizzar tal-piż żejjed isir prijorità ġenerali fis-setturi kollha tal-Gvern, u sabiex jiġu allokati riżorsi u fondi xierqa, kif ukoll isiru sforzi suffiċjenti f'dan ir-rigward. Filwaqt li l-Gvern ħa diversi miżuri li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet ta' gruppi partikolari, statistika diżaggregata u l-informazzjoni miġjuba mill-partijiet interessati jipprovdu ħarsa lejn l-iżvantaġġi sistemiċi ta' gruppi speċifiċi, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa ta' miżuri mmirati li huma varjati u sostnuti biex jintlaħqu b'mod effettiv dawn il-gruppi.

L-Advisory Council on Healthy Lifestyles (il-Kunsill) jipprovdi qafas adegwat biex iħeġġeġ l-komunikazzjoni, il-kordinazzjoni u l-koperazzjoni fi ħdan il-Gvern u biex jippromwovi approċċ whole-of-government biex jiġi indirizzat il-piż żejjed. It-tisħiħ tal-Kunsill jista' jgħin biex jiġi żgurat impatt akbar fil-ħidma u riżultati pożittivi f'termini tal-miri stabbiliti. Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Kunsill iwessa' l-proċessi konsultattivi tiegħu, u jintroduċi qafas ta' monitoraġġ u implimentazzjoni aktar robust. Filwaqt li l-NAO jinnota l-isforzi li saru biex tiġi promovuta l-koperazzjoni bejn il-Gvern kollu u approċċ ta' health-in-all-policies, dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi t-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati rigward elementi ta' inkoerenza fil-qafas usa' ta' politika, nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha u inkonsistenzi bejn l-qafas politiku u t-tfassil ta' proġetti kbar. Għalhekk, l-NAO jirrakkomanda koperazzjoni akbar bejn il-ministeri u l-entitajiet fi ħdan l-Ministeru tas-Saħħa u fi ħdan il-Gvern kollu fil-livell tal-implimentazzjoni tal-politika u fil-provvista tas-servizzi.

L-NAO nnota li l-Gvern ikkunsidra b'mod ċentrali l-partijiet interessati mhux governattivi fit-tfassil tal-politika u fil-ħidma tiegħu kontra l-piż żejjed, u jirrakkomanda li dan jibqa' jiġi sostnut. Barra minn hekk, dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kunsill biex jikkonsulta u jrawwem il-koperazzjoni ma' atturi esterni għall-Gvern; madankollu, isostni li hemm lok għal konsultazzjoni ta' impatt akbar. Dan japplika wkoll b'mod aktar wiesa' għall-abbozzar leġiżlattiv, il-formulazzjoni tal-politika u t-tfassil, it-twassil u l-evalwazzjoni tas-servizzi fis-setturi kollha tal-Gvern. Fir-rigward ta' koperazzjoni għal azzjonijiet implimentati, l-NAO jfaħħar il-progress irreġistrat mill-Gvern, għalkemm limitat, mas-settur privat u ma' partijiet interessati mhux governattivi. Però, hemm skop għall-kollaborazzjoni akbar sabiex il-Gvern jikkapitalizza r-riżorsi kollha disponibbli, jegħleb in-nuqqas ta' riżorsi u jiżgura approċċ ħolistiku, effettiv u sostenibbli lejn l-indirizzar tal-piż żejjed. Speċifikament, dan l-Uffiċċju hu tal-fehma li l-involviment tan-negozji bħala partijiet interessati, permezz ta' konsultazzjoni, kif ukoll inċentivi u skemi ta' appoġġ, jippermettu li jiġi sfruttat l-għarfien, ir-riżorsi, u l-firxa ta' dawn in-negozji biex titwettaq bidla pożittiva.

Dan ir-rapport huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku u l-paġna ta' Facebook tal-Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika: www.nao.gov.mt jew fuq il-paġna tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow