STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET Skema ta' tiġdid ta' ċnus tal-Gvern
Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet, qiegħed iniedi skema ġdida li se tipprovdi pjattaforma legali aktar ġusta u ta' inqas dewmien għat-tiġdid ta' ċnus tal-Gvern, inklużi dawk li kienu mogħtija mill-Knisja u issa għaddew għand il-Gvern, li skadew jew se jiskadu sal-31 ta' Diċembru 2030.
Din l-iskema tkompli tespandi fuq il-kunċett li ġie stabbilit legalment bl-Artiklu 35 tal-Kapitlu 573, l-Att dwar Artijiet tal-Gvern. Sal-lum, it-tiġdid ta' ċnus ta' kull tip kien jista' jsir biss bis-saħħa ta' dan l-artiklu. Dan però jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tagħżel li ġġedded iċ-ċens, jew inkella terġa' tieħu l-pussess tal-proprjetà, mingħajr ma jespandi jew jagħti direzzjoni dwar kif l-Awtorità tagħżel liema triq li tieħu, u wisq inqas fuq liema bażi tieħu din id-deċiżjoni.
Inħasset għalhekk il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Artijiet ikollha direzzjoni iktar ċara bbażata fuq skema approvata bħala avviż legali. Dan sabiex ma jkunx hemm lok għal diskriminazzjoni, u fl-istess ħin jingħata serħan tal-moħħ għal mijiet ta' familji li qegħdin ibatu b'inċertezza dwar il-futur tal-proprjetà li ilhom igawdu għal ħafna snin.
Huwa stmat li hawn tal-inqas 1,800 proprjetà li huma kemm residenzjali, agrikoli, jew kummerċjali li jistgħu jikkwalifikaw għal din l-iskema. Bil-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-arkivju, u tiġdid tad-data tal-Awtorità, din l-istima tista' tiżdied, speċjalment minħabba li l-maġġoranza ta' dawn il-każi jikkonsistu fi proprjetà li għaddiet għand il-Gvern mingħand il-Knisja permezz tal-ftehim tal-1993. Dawn il-każi sejrin jibqgħu jitfaċċaw maż-żmien sakemm il-proċess ta' reġistrazzjoni ta' proprjetà jingħalaq.
Għaldaqstant, din l-iskema sejra tipprovdi l-opportunità li jiġu regolarizzati dawk iċ-ċnus li skadew, li flimkien ma' dawk li sejrin jiskadu sal-aħħar tas-sena 2030, se jingħataw ċnus b'terminu ta' 50 sena. Fil-każ ta' ċnus agrikoli fejn hemm irziezet, dawn se jingħataw b'rati vantaġġużi ħafna li huma diġà stabbiliti mill-Awtorità, filwaqt li ċnus skaduti fuq raba jingħataw titolu ta' qbiela bir rati tal-Gvern.
Fil-każijiet ta' konċessjoni mogħtija fuq xi artijiet jew proprjetà oħra, iċ-ċens għandu jkun ikkalkulat bħala 2% tal-valur tas-suq miftuħ għall-użu rikonoxxut, u dik is-somma għandha tkun reveduta kull għaxar snin bl-għaxra fil-mija (10%).
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri qal li bħala Gvern dejjem poġġejna fuq quddiem lill-familji, lill-bdiewa, u n-negozji. “B'din l-iskema qegħdin nagħtu messaġġ b'saħħtu lil dawk kollha li għandhom id-dar residenzjali tagħhom, jew għelieqi u rziezet, jew stabbilimenti kummerċjali, li jekk sal-lum kienu jgħixu b'inċertezza dwar il-proprjetà tagħhom, issa se jkunu jistgħu japplikaw b'din l-iskema biex ikollhom titolu b'saħħtu u jkunu jistgħu jserrħu rashom, u saħansitra jippjanaw investimenti fil-proprjetà tagħhom," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Aktar informazzjoni dwar kif se taħdem din l-iskema hija annessa.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en
pr231092a.pdf