STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Konferma ta’ kemm il-miżuri tal-Budget 2023 kienu ta’ fejda għal dawk bl-anqas dħul
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota r-riċerka li għadha kemm ippublikat il-Caritas Malta.
Din ir-riċerka tgħid li koppja pensjonanti fl-2023 riedu jonfqu €167 aktar fis-sena fuq ikel u prodotti relatati mas-saħħa.
Dan ifisser li ż-żieda li ngħatat lil kull pensjonant grazzi għall-Budget għal 2023, dik ta' €650 fis-sena, kienet kważi erba' darbiet iż-żieda fl-ispiża nnutata mill-istudju tal-Caritas Malta. Dan filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli.
Fl-istess ħin ż-żieda fil-paga minima u fiċ-children's allowance grazzi għal Budget 2023 hija madwar tliet darbiet aktar miż-żieda fl-ispiża għal single parent b'żewġ itfal hekk kif stmat fl-istess rapport u l-istess għal koppja b'żewġt itfal.
Għall-koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, iż-żidiet mogħtija huma ferm iżjed.
L-istess jista' jingħad għall-familji fejn il-ġenituri għal xi raġuni ma jkunux fl-impjieg. Dawn ukoll issa qed igawdu miż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa u allura dawn ukoll ingħataw l-għajnuna biex jilqgħu għall-impatt tal-inflazzjoni.
Ma' dawn l-għajnuniet iddaħħal ukoll għall-ewwel darba il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja li b'nefqa ta' 16-il miljun ewro, ibbenefikaw minnu iktar minn 47,000 familja fil-faxex li jitkellem dwarhom l-aktar l-istudju tal-Caritas.
L-istudju tal-Caritas Malta jinnota wkoll kif il-prezz tal-ikel prodott lokalment ma żdiedx daqs kemm żdiedu l-prezzijiet ta' ikel impurtat. Dan huwa konferma ta' kemm is-sussidji li ngħataw mill-Gvern, fosthom l-istabbilita tal-enerġija kif ukoll sussidji fuq ġwież u ċereali, kellhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet ta' prodotti essenzjali f'pajjiżna.
Filwaqt li jirringrazzja lil Caritas Malta għal dan l-istudju u studji oħrajn simili li dejjem jingħataw widen, il-Ministeru se jkompli jieħu inizjattivi li jgħinu lil dawk li jifilħu l-anqas fis-soċjetà tagħna kif dejjem għamel fl-aħħar 10 snin. Bir-riżultat aħħari jkun tnaqqis fir-rata tal-faqar.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en