STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: 60% tax-xogħlijiet fuq il-multimodal hub fiż-żona Ta’ Xħajma kompluti
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-multimodal hub fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xħajma, limiti tax-Xewkija.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li dan il-proġett se jikkonsisti f’faċilità mifruxa fuq medda ta’ 24,000 metru kwadru, b’nofs dan l-ispazju jkun iddedikat għal parkeġġ. L-għan ta’ dan il-proġett hu li ż-żona li kienet mimlija skart ta’ kostruzzjoni tiġi riġenerata u trasformata fi spazju għal parkeġġ ta’ 300 vettura.
Il-ministru kompla jispjega li wara li tlestew il-maġġoranza tax-xogħlijiet marbuta mat-tħammil, beda u tlesta wkoll ix-xogħol fuq il-piles, il-pile caps u saru wkoll il-ground beams li fuqhom ser tinbena l-faċilità ta’ parkeġġ b’concrete grass pavers.
Il-parkeġġ, minbarra spazji li ħa jkunu dedikati għal vetturi elettriċi u pedelecs, ser ikollu wkoll terminal li minnu ser ikunu qed joperaw sitt karozzi tal-linja elettriċi biex joffru s-servizz ta’ Park and Ride minn dan is-sit.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, “Bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, qed inkomplu ninvestu fi proġetti bħalma huwa dan, li filwaqt li jgħinu lil pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali, qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proġetti bħal dawn jagħtuna l-opportunità biex, skont ir-riżultati miksuba, dan il-proġett isir fuq skala ikbar u b’hekk inkomplu naħdmu lejn ambjent aktar sostenibbli u nadif f’pajjiżna”.
Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li minbarra l-parkeġġ, dan il-proġett ser jipprovdi wkoll faċilità ta’ rikreazzjoni fil-beraħ. Dan għaliex is-saqaf, li ser ikun qed jipprovdi dell lill-karozzi pparkjati, ser jinbidel fi spazju aħdar. Minbarra dan l-element strutturali, din il-faċilità qiegħda taħseb ukoll fl-immaniġġjar tal-ilma għaliex l-ilma tax-xita ser jinġabar f’ġibjun kbir tal-ilma.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dawn l-elementi kollha ser jagħmlu dan il-proġett wieħed minn tal-ewwel tax-xorta tiegħu u ser ikun qed jagħti bidu għal iktar proġetti ħodor li hemm pjanati b’fondi Ewropej li l-gvern alloka għal Għawdex.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en