STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL: Nhar is-Sibt jitħallas il-pagament li jmiss tal-in-work benefit u l-carers grant
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbar illi se jkun qed jitħallas it-tieni pagament tal-in-work benefit kif ukoll dak tal-carers grant, li jkopru x-xhur ta' April sa Ġunju.
Il-Ministru spjega li 23,074 familja se jibbenefikaw mill-in-work benefit, b'dan it-tieni pagament għal din is-sena se jkollu allokazzjoni finanzjarja ta' €3.34 miljun. Sa minn meta ġie introdott dan il-benefiċċju r-rati gradwalment bdew jiżdiedu u l-limitu ta' dħul twessgħu. Il-proċess issa sar wieħed awtomatiku u ma hemmx bżonn iżjed li ssir applikazzjoni.
Preżentement, il-limiti ta' dħul lill-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu huwa ta' €50,000 fis-sena, fejn inizjalment dan il-limitu kien ta' €20,400 fis-sena. Dan il-benefiċċju qed jingħata wkoll lil single parents.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu, tkellem dwar il-Carers Grant, u stqarr illi n-numru ta' benefiċjarji sal-ewwel nofs tas-sena tela' għal 423 u n-nefqa għall-istess perjodu hija ta' €954,000.
Hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali, minn din is-sena dan il-pagament se jogħla għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta, jiġifieri €4,510. Dan l-ammont se jibda jkun maqsum f'erba' pagamenti ta' €1,127.50 'il wieħed, jiġifieri kull tliet xhur.
“Dan huwa Gvern illi verament iħoss il-polz u l-bżonnijiet tan-nies. Qegħdin inwettqu dak li wegħedna u se nkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. Dawn iż-żewġ benefiċċji huma eżempju ċar ta' Gvern illi jirrikonoxxi l-bżulija u anke r-reżiljenza ta' ġenituri illi jibqgħu jagħtu l-aqwa trobbija lil uliedhom minkejja d-diffikultajiet kollha li ġġib magħha d-diżabilità," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en