Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Invenzjoni ġdida għal komunikazzjoni bl-użu tal-għajnejn

pr231052
Date Icon 05/07/2023

EyeCon hija invenzjoni ġdida li se tippermetti lil dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà u komunikazzjoni biex jikkomunikaw bl-użu ta’ għajnejhom. Din l-invenzjoni ġiet ippreżentata waqt konferenza fl-Esplora li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti. 

Il-proġett EyeCon ġie riċerkat u mwettaq b’kollaborazzjoni bejn inġiniera mill-Università ta’ Malta u kumpanija tas-software lokali, 1888 Limited, b’fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) taħt il-Fusion Technology Development Programme. It-tim li ħadem f’dan il-proġett irnexxielu joħloq sistema li kapaċi tikkomunika billi sempliċiment tirrekordja l-qawwa u d-direzzjoni tal-għajnejn. Dan b’differenza ta’ eye-gaze trackers oħra li preżentament jinsabu fis-suq u li jagħmlu użu minn kameras jew dawl infrared u li jekk użati fit-tul kapaċi jtaqqlu l-għajnejn ta’ min juża l-apparat. 

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti laqa’ dan il-proġett u qal li riċerka bħal din li qed issir f’Malta tista’ wkoll tħalli impatt f’pajjiżi oħra. “Il-gvern qed jinvesti dejjem aktar fis-settur tar-riċerka sabiex jinħolqu proġetti bħal dan li kapaċi jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Permezz ta’ dan il-proġett se niffaċilitaw il-ħajja ta’ nies li m’għandhomx il-possibbiltà li jikkomunikaw u jużaw mezzi teknoloġiċi bl-użu ta’ jdejhom.”

Filwaqt li faħħar ix-xogħol li sar mill-inġiniera fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-kollaborazzjoni mal-industrija privata li kienu involuti fil-proġett, is-segretarju parlamentari rringrazzja lill-MCST tal-irwol fundamentali li jħaddan fl-industrija tar-riċerka f’Malta bl-għotjiet mogħtija u l-assistenza professjonali provduta għal proġetti li jistgħu jkunu utli għal ħafna nies.

Iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, tenna li l-kunsill dejjem emmen bis-sħiħ fl-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li jwassal għal aktar avvanzi f’diversi setturi lokali. Huwa enfasizza l-importanza ta’ aktar kollaborazzjoni bejn is-settur akkademiku u l-industrija lokali li jwasslu għal titjib fis-servizzi offruti u biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

Dr Tracey Camilleri, li kienet il-kordinatur tal-proġett EyeCon qalet, “Ninsabu ferm kuntenti bir-riżultati li ksibna. Ir-riċerka estensiva li għamilna wasslet biex noħolqu mudell differenti u aktar ekonomiku minn eye-gaze trackers oħra li jinsabu fis-suq. Irnexxielna niżviluppaw algoritmi intelliġenti li kapaċi jipproċessaw is-sinjali elettriċi li jiġġeneraw l-għajnejn meta jiċċaqalqu. B’hekk qed niffaċilitaw il-ħajja ta’ nies b’diżabilità u nagħtuhom mezz ta’ komunikazzjoni.”

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Invenzjoni ġdida għal komunikazzjoni bl-użu tal-għajnejn
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Invenzjoni ġdida għal komunikazzjoni bl-użu tal-għajnejn
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Invenzjoni ġdida għal komunikazzjoni bl-użu tal-għajnejn
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow